Futbol Sport

Gowls ta’ Nwoko u Caruana jagħtu rebħa Maltija kontra Ġibiltá

Ritratt ta' Domenic Aquilina

Tasal l-ewwel rebħa tal-kowċ Taljan ma’ Malta, Devis Mangia hekk kif illejla t-tim nazzjonali Malti għeleb lil Ġibiltá 2-0 f’partita ta’ ħbiberija. Din kienet partita esperimentattiva għall-kowċ Malti, qabel il-partiti li se nilgħabu fil-jiem li ġejjin mill-grupp tal-UEFA Nations League kontra l-Andorra u l-Litwanja rispettivament.

1-0 | Kyrian Nwoko fetaħ l-iskor fit-tmien minuta tal-partita, minn free-kick ta’ Ryan Camenzuli, bl-attakkant ta’ Valletta Football Club jixħet wara l-gowlkiper Kyle Goldwin. Għal Nwoko dan hu t-tieni gowl f’żewġ partiti konsekuttivi għal Malta, u t-tielet wieħed mat-tim nazzjonali.

2-0 | Fid-90 minuta, Malta taċċerta mir-rebħa kontra Ġibiltá meta Triston Caruana, b’daqqa tar-ras, tefa’ fix-xibka avversarja għal skor ta’ 2-0. Kien Jake Grech li xeħet kross tajjeb għal fuq ras Caruana, biex b’hekk Malta tikseb l-ewwel rebħa fl-era l-ġdida tal-kowċ il-ġdid.

Intant f’din il-partita, il-kowċ Taljan, Devis Mangia ta d-debutt lill-erba’ plejers żgħażagħ Maltin, fil-formazzjoni inizjali. Dawn huma l-gowlkiper ta’ Sliema Wanderers Jake Galea, id-difensur ta’ 26 sena li jilgħab ma’ Balzan Samir Arab, il-midfielder Brittaniku iżda b’dixxendenza Maltija Joseph Muscatt u l-midfielder offensiv ta’ Valletta, Shaun Dimech.

Malta lagħbet b’din il-formazzjoni | Jake Galea, Kurt Shaw, Andrei Agius (46 min Steve Borg), Samir Arab (46 min Triston Caruana), Joseph Muscatt (85 min Cain Attard), Rowen Muscat, Matthew Guillaumier, Ryan Camenzuli (59 min Myles Beerman), Jake Grech, Kyrian Nwoko (40 min Luke Montebello), Shaun Dimech (59 min Paul Mbong).