Għalkemm baqa’ jgħid sal-aħħar li l-ħruġ tiegħu mill-arena politika kien kif ippjanat, lanqas l-istess Joseph Muscat ma seta jaħrab miċ-ċirkostanzi mqanqla li għaddej minnhom pajjiżna u stqarr li xtaq li t-tmiem kien ikun differenti.
Waqt intervista fuq l-istazzjon Laburista l-għada li rriżenja minn Deputat, Joseph Muscat qal li l-istorja għad tiġġudika dan iż-żmien. Qal li refa r-responsabbiltajiet tiegħu u anki dawk li ma kienux tiegħu.
Joseph Muscat, li fl-2019 kien magħżul bħala l-iktar politiku korrott mill-OCCRP, kien ħabbar li se jirriżenja minn Prim Ministru fil-bidu ta’ Diċembru, iżda r-riżenja effettiva saret sitt ġimgħat wara, lejn nofs Jannar ta’ din is-sena.
Dan wara jiem sħaħ ta’ protesti mqanqla wara l-arrest ta’ Yorgen Fenech b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, u rivelazzjonijiet xokkanti dwar nies oħrajn qrib tiegħu li għal snin sħaħ Joseph Muscat ħareġ għonqu jiddefendihom.
Joseph Muscat baqa’ Deputat sa Ottubru, minkejja li fil-Qorti bdew joħorġu iktar dettalji dwar il-qrubija li l-istess Muscat kellu ma’ Yorgen Fenech, fejn saħansitra kien mistieden għall-festin f’għeluq sninu fil-Girgenti fejn ingħata rigali lussużi f’arloġġi u fliexken ta’ nbejjed fini b’valur ta’ eluf ta’ ewro.
Iżda xejn minn dan ma ssemma waqt il-programm li ħa x-xeħta ta’ eżerċizzju ta’ kanonizzazzjoni.
Muscat tkellem dwar il-proġetti infrastrutturali u tenna li l-proġett tal-Mina bejn Malta u Għawdex hu wieħed essenzjali.
L-eks Mexxej Laburista kellu tweġiba mhux tas-soltu għal min għandu tħassib dwar l-impatt ambjentali ta’ ċertu proġetti. Hu qal li għax hu ta’ prinċipju u qatt ma qabel miegħu, Joseph Muscat qal li qatt ma żar it-Teatru miftuħ fil-Belt Valletta. Bl-istess raġunament, għax skont Muscat hu punt ta’ prinċipju, min ma jaqbilx mal-proġett Central Link, ma jużahx.
//= $special ?>