Internazzjonali

Greċja: Il-Partit taż-Żerniq neo-Nażista kundannat bħala organizzazzjoni kriminali

It-tmexxija tal-Partit neo-Nażista tal-Greċja spiċċat ikkundannata bħala l-ixprun wara organizzazzjoni kriminali. Dan wara proċess tal-qorti li damet għaddejja għal aktar minn ħames snin.

L-imħallfin fil-qorti ta’ Ateni ħarġu l-verdetti dwar 68 imputat konnessi mal-Partit taż-Żerniq Dehbi (neo-Nażista) li, fl-2012, kien tella 18-il deputat fil-Parlament, fi żmien meta l-Greċja kienet mifnija minn kriżi finanzjarja.

L-investigazzjoni kriminali dwar il-partit beda wara l-qtil ta’ mużiċist anti-faxxista, fl-2013.

Intant, il-Kap tal-Partit neo-Nażista, Nikos Michaloliakos u sitt kollegi nstabu ħatja bħala l-mexxejja ta’ grupp kriminali. Dan waqt li sostenitur li jismu Giorgios Roupakias instab ħati dwar l-omiċidju tal-mużiċista, bi ħmistax oħra jispiċċaw ikkundannati għal sehem f’dan il-każ.

Qabel il-qari tal-verdett, f’Ateni, kien hemm mal-2,000 pulizija stazzjonati madwar il-Qorti tal-Appelli, b’eluf ta’ dimostranti jinsistu biex l-imputati jingħataw sentenzi twal ta’ ħabs. Inqalgħu diversi inċidenti, b’numru ta’ dimostranti jiġġieldu mal-pulizija fost it-tfigħ ta’ bombi tal-petrol – u bil-qawwiet tal-liġi jisparaw il-gass tad-dmugħ għal fuq il-folol.

Saru wkoll dimostrazzjonijiet b’tema anti-Nażista fi bliet oħra, inkluża Thessaloniki.

Il-President tal-Greċja, Katerina Sakellaropoulou, qalet li l-verdett hu importanti għad-demokrazija minbarra li ‘provi’ li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż kapaċi jiddefendu ruħhom kontra kwalunkwe attentat biex jiddgħajfu.