Lokali

Il-Gvern Laburista għandu jagħti spjegazzjoni ċara tal-pjan ħolistiku li għandha Malta fuq l-iskart

Il-poplu Malti jixraqlu ferm aħjar fil-qasam tal-iskart


B’referenza għall-avviż maħruġ mill-Awtorita’ tal-Ambjent u r-Riżorsi ħalli l-pubbliku jagħti sehemu fil-konsultazzjoni li qed issir fuq l-istudji ambjentali tal-inċineratur tal-iskart fil-Magħtab, il-Partit Nazzjonalista jinnota kif dan il-proċess huwa vvizjat politikament ħalli jfittex jitlesta mingħajr skrutinju adegwat.

Fi stqarrija minn David Thake kelliem għall-Ambjent u l-Emerġenza tal-Klima il-Partit Nazzjonalista qal li jinnota diversi nuqqasijiet fil-proċess li qed isir u li l-Gvern qed jibqa’ jinjora mingħajr ebda rimedju. Tajjeb illi nsemmu li l-ħsieb tal-Gvern li jagħmel inċineratur massiċċ u jpoġġih fil-Magħtab ma joħrog mill-ebda pjan strateġiku dwar l-iskart f’Malta. Wisq u wisq anqas, ma sar ebda proċess ta’ Strategic Environmental Assessment (SEA) fuq il-pjan strateġiku jekk dan tal-aħħar lanqas biss eżista dakinhar li ttieħdet deċiżjoni li jsir inċineratur enormi fil-Magħtab. L-għażla ta’ inċineratur u l-għażla tas-sit hija sforz il-paniku li jinsab fih il-Gvern fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart għax ilu mis-sena 2013 jitnikker f’dan il-qasam.

Meta f’daqqa waħda il-Gvern irrealizza li l-landfill tal-Magħtab imtliet qabel il-waqt minħabba inkompetenza fil-WasteServ, il-Gvern ħabbar li se jmur għal-inċineratur ħalli jtaffi l-problema. Ta’ min jgħid li għażla bħal din suppost toħroġ minn pjan strateġiku li fuqu jsir SEA u mhux bil-kontra. Dan l-SEA huwa rikjest mid-direttivi Ewropej pero’ l-Gvern qed jibqa’ jwebbes rasu u jimplimenta proġett ta’ inċineratur mingħajr ebda pjan.

Il-poplu għadu mhux jifhem għaliex il-Gvern se jagħmel faċilita’ li taħraq 200,000 tunnellata ta’ skart fis-sena mingħajr ebda ġustifikazzjoni ta’ xejn. Il-poplu mhux jifhem għaliex din il-faċilita’ se taħraq skart imħallat meta llum il-Gvern jgħidilna li s-separazzjoni tal-iskart mid-djar irnexxiet.

Il-poplu jrid jifhem ukoll kif dan l-inċineratur jinkwadra mal-faċilitajiet l-oħra tal-iskart f’Malta. Pereżempju, waqt li għaddej dan il-proċess ta’ konsultazzjoni, l-WasteServ ħarġet tender sabiex tibni inċineratur ieħor tal-iskart tossiku. Allura flok il-poplu ma jiġi kkonsultat fuq il-biċċiet, mhux aħjar il-konsultazzjoni ssir fuq l-impatt kumulattiv tal-inċineraturi u l-impjanti kollha li l-Ministru qed iżomm mistura?

Wara kollox, il-pubbliku fl-inħawi, l-inkwinament tal-impjanti kollha f’daqqa se jkun qed isofri.

Mistoqsijiet bħal dawn u ħafna oħrajn għad iridu jiġu mwieġba għax il-poplu qed jithħlla fil-għama. Il-pubbliku ma jistax jiġi mistieden jagħti l-kummenti fuq l-Environmental Impact Assessment ta’ inċineratur fi żmien erba’ ġimgħat. Dan il-perjodu ta’ żmien huwa daħka meta l-Gvern ilu s-snin jongħos u jaħbi fuq dan is-suġġett.

Il-Partit Nazzjonalista jitlob lill-Ministru konċernat li jissosspendi dan il-proċess ta’ konsultazzjoni u fil-frattemp jagħti spegazzjoni ċara tal-pjan ħolistiku li hu għandu għal Malta fuq l-iskart.

Apparti minnhekk, il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Gvern jipprovdi għajnuna esperta u indipendenti lill-Kunsilli Lokali tal-madwar, fosthom, in-Naxxar, San Pawl il-Baħar, Ħal Għargħur, Pembroke, Swieqi, San Giljan, u tas-Sliema ħalli dawn ikunu jistgħu jagħmlu analiżi esperta fuq kif dan l-inċineratur massiċċ, u inċineraturi oħra fil-viċinanzi, se jkunu qed jaffettwa lill-lokalita’ tagħhom minħabba l-emissjonijiet fl-arja u fil-baħar li jista’ jkun hemm.

Il-poplu Malti jixraqlu ferm aħjar fil-qasam tal-iskart, u sakemm il-Ministru mhux ha jipprova jimita dak li għamel sieħbu fil-proġett tal-power station, il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Ministru jkun trasparenti kemm jiflaħ u mhux iniedi l-EIA meta id-deċiżjonijiet diġa’ ttieħdu u l-proċess ta’ xiri tal-inċineratur diġa’ daħal fis-seba’ xahar.