Internazzjonali

Il-każi tal-Covid-19: L-akbar ‘spike’ għal xhur fl-Italja

L-Italja għadha kemm irreġistrat l-akbar numru ta’ każi tal-coronavirus mindu kienet qed tinżamm taħt lockdown totali, f’nofs April li għadda.

Dan fost rapporti li fl-Italja kienu konfermati 3,678 infezzjoni ġdida f’perjodu ta’ 24 siegħa — bil-pajjiż ilu l-aħħar ġimgħat jirreġistra rati dejjem aktar sinifikanti ta’ infezzjonijiet u bi spinta akbar minn tal-ewwel mewġa tal-pandemija.

Il-Gvern Taljan, waqt l-ewwel mewġa, kien impona wieħed mill-aktar lockdowns stretti fid-dinja bir-riżultat li l-pajjiż sofra impatt negattiv ħafna f’termini ekonomiċi — għalkemm irnexxielu jrażżan l-epidemija sas-sajf, bil-Gvern jerġa’ jiftaħ ir-ristoranti, l-istabbilimenti tax-xorb u l-ħwienet.

Sadanittant, it-Taljani, minn għada, iridu jġorru maskra tal-wiċċ u jilbsuha ‘fil-parti kbira taċ-ċirkustanzi’ — anki meta jkunu barra. Dan skont liġi ġdida li ffirma għaliha l-Prim Ministru tal-Italja, Giuseppe Conte.