Ambjent Lokali

Il-Partit Nazzjonalista xprun ta’ soluzzjonijiet għas-sajjieda

Il-Partit Nazzjonalista laqa’ l-istqarrija tal-Gvern dwar sorveljar tal-patrol boat fl-ibħra internazzjonali bi protezzjoni tal-kannizzati tas-sajjieda Għawdxin u Maltin.

Fi stqarrija tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Sajd, Edwin Vassallo, u l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista, Peter Agius, huma fakkru li kien grazzi għall-interventi mill-kelliema tiegħu li l-Kummissjoni Ewropea ressqet emendi biex jiġu protetti dawn il-kannizzati mis-sajd illegali ta’ bastimenti Tuneżini u li issa qed tikkunsidra sorveljar tal-ibħra permezz tal-Aġenzija Ewropea tas-Sajd.

L-istqarrija tal-Gvern illum tagħti raġun lill-Partit Nazzjonalista li permezz tal-kandidat tiegħu Peter Agius ilu jisħaq minn Jannar tal-2019 fuq bżonn ta’ miżuri konkreti fi ħdan il-Konvenzjoni Internazzjonali tas-Sajd fil-Mediterran għall-protezzjoni tal-kannizzati tal-lampuki tas-sajjieda Għawdxin u Maltin.

‘Issa jeħtieġ nagħmlu pass ieħor konkret, li ninvolvu l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-sajd fis-sorveljar tal-ibħra tal-Mediterran biex jiġu protetti l-kannizati tal-Maltin u l-Għawdxin. Dan hu dak li proponejt lill-Kummissajru Ewropew tas-Sajd Sinkevicius li qabel miegħi għaldaqstant. Ma nistgħux nittolleraw ġurnata oħra mitlufa fejn is-sajjied jara ħobżu misruq u l-apparat tiegħu jitħassar. Nistennew reazzjoni aktar tempestiva mill-Gvern li ma jistax jibqa’ jkarkar saqajh u jiċċaqlaq biss kif iċċaqalqu l-opposizzjoni’ qal Peter Agius.

‘Aħna ser nibqgħu inkunu tarka tas-setturi kollha li jitimgħu lill-familji tagħna. Sajjieda, raħħala u bdiewa ħaqqhom l-għola rispett u wens tal-awtorità. Ser isibu dan il-wens fil-Partit Nazzjonalista li permezz ta’ soluzzjonijiet konkreti qed jaħdem dejjem aktar biex jirrispondi għall-ħtiġijiet ta’ dawn is-setturi u dan wara kollox għall-ġid tal-konsumatur Malti li jsib prodott ġenwin u lokali fuq il-mejda tiegħu’ insista l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista l-Onorevoli Edwin Vassallo.