Illum, pajjiżna se jkollu Kap tal-Oppożizzjoni ġdid hekk kif Bernard Grech mistenni jieħu l-ġurament ta’ Kap tal-Oppożizzjoni.
Dan wara li lbieraħ kien co-opted fil-Parlament bħala deputat tal-Partit Nazzjonalista wara mozjoni li kienet sekondata mill-eks Kap tal-partit, Adrian Delia.

Bernard Grech inħatar id-9 Kap tal-Partit Nazzjonalista is-Sibt li għadda fi tmiem il-Konvenzjoni Ġenerali, wara proċess ta’ elezzjoni interna li fiha pparteċipaw il-maġġoranza assoluta tat-tesserati tal-partit.

Il-Kap tal-PN wassal l-ewwel messaġġ tiegħu lin-nazzjon il-Ħadd li għadda, qabel irċieva ċ-ċwievet tal-uffiċċju ta’ kap matul il-ġurnata tat-Tnejn.

Net Television se jkun qed iwassal xandira speċjali bi programm li jibda fin-12:30. Bi preżentazzjoni ta’ Dione Borg u Christine Amaira kif ukoll kollegamenti mill-Palazz ta’ San Anton. Tul dan il-program speċjali, il-ġurament ta’ Bernard Grech bħala Kap tal-Oppożizzjoni jixxandar b’mod dirett fis-1:30pm.
Intant, f’ittra mibgħuta lil Bernard Grech, iċ-Chairman tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber bgħat l-awguri għall-ħatra tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Webber awguralu wkoll biex iġġib lura l-fiduċja taċ-ċittadini fil-ħajja politika u s-saltna tad-dritt f’Malta.
Iċ-Chairman tal-EPP saħaq li l-elezzjoni ta’ Bernard Grech tissimbolizza tiġdid fil-Partit Nazzjonalista. Dan filwaqt li awguralu s-suċċess kollu fil-preparazzjoni ghall-elezzjonijiet parlamentari li jmiss, sabiex il-PN jerġa’ jsir forza f’Malta.
Ninsab ħerqan li naħdem flimkien miegħek biex nippromwovu l-valuri komuni Ewropej tagħna. Jiena konvint li l-Partit Nazzjonalista, taħt it-tmexxija tiegħek, se jkompli jirriforma u jibni, fi Malta u fl-Ewropa.
Finalment, Webber saħaq li hemm bżonn sforzi konġunti biex l-UE tiġi mgħammra b’aġenda ta’ riforma ta’ suċċess għall-futur tal-Ewropa, biex tkun tista’ tilqa’ l-isfidi li ġejjin billi ttejjeb il-kompetittività għal aktar tkabbir u impjiegi, dfilwaqt li ssib soluzzjonijiet għall-kriżi tal-migrazzjoni, u terġa tikseb il-fiduċja taċ-ċittadini tagħha.
Fl-ittra tiegħu Webber faħħar il-ħidma tal-MEPs Roberta Metsola u David Casa fejn iddeskrivihom bħala pilastri attivi u ta’ fiduċja. Hu saħaq li jħossu furtunat li jaħdem mal-eks kap tal-partit, Simon Busuttil bħala Segretarju Ġenerali tal-EPP, b’Webber jistqarr li Busuttil qed iwettaq xogħol tremend fit-tmexxija tas-segretarjat.
