Internazzjonali

Imut il-kantant tar-reggae-pop, Johnny Nash

Il-kantant-kompożitur Amerikan Johnny Nash, li kien jispeċjalizza fil-mużika raggae u pop, miet fl-età ta’ 80 sena, fid-dar tiegħu, minn kawżi naturali.

Nash – li jibqa’ imfakkar l-aktar għall-kanzunetti I Can See Clearly Now, Tears on My Pillow u diversi cover versions ta’ kanzunetti oħra – kien beda l-karriera ta’ kantant bħala tifel u kiseb l-ewwel kuntratt ma’ dar tad-diski fl-1957, fejn iddebutta bil-kanzunetta A Teenager Sings the Blues.

Il-kantant, imwieled Houston, kien fost l-ewwel kantanti mhumiex Ġamajkani li rrekordja l-mużika reggae f’Kingston ( fil-Ġamajka).

Il-kanzunetta I Can See Clearly Now biegħet ‘il fuq minn miljun kopja u telgħet sal-ewwel post tal-Billboard Hot 100 chart, fl-1972, fejn damet għal erba’ ġimgħat. Intant, il-kanzunetta Tears on My Pillow ukoll telgħet sal-ewwel post taċ-charts fl-Ingilterra, fl-1975.

Fatt ieħor ftit magħruf dwar Johnny Nash (iżda li hu wkoll sinifikanti) jinvolvi l-għajnuna li hu kien ta lil-leġġenda tar-reggae, Bob Marley, biex jiffirma l-ewwel kuntratt tiegħu biex jirrekordja d-diski.