Illejla fis-6pm, it-tim nazzjonali Malti se jibda l-impenji tiegħu b’logħba ta’ ħbiberija kontra Ġibiltà fl-iStadium Nazzjonali ta’ Ta’Qali. L-aħħar li dawn iż-żewġ pajjiżi ltaqaw kien fl-2014 f’logħba ta’ ħbiberija wkoll fejn il-Maltin tilfu 1-0.
Il-kowċ tat-tim nazzjonali Devis Mangia sejjaħ 28 plejer għal tliet partiti f’perjodu ta’ ġimgħa, kontra Ġibiltà kif ukoll żewġ partiti tal-UEFA Nations League kontra l-Andorra u l-Latvja.
Is-Sibt 10 ta’ Ottubru fid-8.45pm, Malta tilgħab kontra l-Andorra f’Estadi Nacional fit-tielet partità ta’ Grupp D. Dan se jkun konfront importanti għaż-żewġ timijiet, hekk kif jinsabu f’qiegħ il-klassifika b’punt wieħed biss. Min jirbaħ din il-logħba jkun fiċ-ċans li jitla’ anke fit-tieni post, dejjem jekk fil-partità l-oħra, l-Latvja jitilfu kontra l-Gżejjer Faroe. Bħalissa, l-Andorra għadhom ma skorjaw l-ebda gowl f’żewġ partiti filwaqt li l-unika gowl li qalaw kien fit-telfa kontra l-Gżejjer Faroe.
Nhar it-Tlieta 13 ta’ Ottubru fis-6pm, l-Latvja jospitaw lill-Maltin għat-tieni konfront bejniethom fi Grupp D. Il-Latvja jinsabu punt biss fuq il-Maltin, wara li ħadu żewġ draws kontra Andorra ta’ 0-0 u kontra Malta ta’ 1-1.
Dawn huma żewġ partiti kruċjali għat-tim nazzjonali, hekk kif kull punt li jiksbu jista’ jgħinhom jiksbu t-tieni post li bħalissa huwa miżmum mil-Latvja b’punt biss iktar minnha. Fil-quċċata tal-klassifika nsibu l-Gżejjer Faroe b’punti massimi minn żewġ logħbiet. S’issa, l-Maltin sofrew telfa ta’ 3-2 kontra l-Gżejjer Faroe u draw ta’ 1-1 kontra l-Latvja.
//= $special ?>