Internazzjonali

Ix-xahar ta’ Settembru … Rekord storiku f’termini ta’ sħana

Ix-xahar ta’ Settembru kien l-aktar wieħed sħun fl-istorja u fuq livell globali, skont l-istatistika provduta mill-entità Coperunicus li tiġbor id-data relatata mat-temp.

Dan meta x-xahar li għadda rreġistra livell ta’ sħana jerġa’ ogħla (b’0.05C) minn ta’ Settembru tas-sena li għaddiet – u meta wkoll kien twaqqaf għoli rekord ta’ sħana.

Ix-xjenzati qegħdin jaqblu li dawn il-fenomeni huma indikazzjoni ċara li t-temperaturi tad-dinja qegħdin jiżdiedu b’rata inkwetanti minħabba l-emissjonijiet iġġenerati mill-proġetti industrijali u attivitajiet oħra xprunati mill-bniedem.

Intant, Copernicus – jew aħjar l-Earth observation programme tal-Unjoni Ewropea – wassal il-messaġġ li s-sħana fis-Siberja (fir-reġjun tal-Artiku) hi ogħla sew mill-medja għal dan iż-żmien tas-sena.

Fl-istess ħin, Copernicus ikkonferma li l-koperta tas-silġ fil-Baħar Artiku ‘naqset għat-tieni l-inqas livell mindu bdew jinżammu r-rekords bis-satellita’.

Il-pronistiku hu li s-sena 2020 għandha tkun ukoll l-aktar sena sħuna fl-istorja għall-Ewropa – anki f’każ li t-temperaturi jibirdu sew, minn issa ‘il quddiem.

Il-livell ta’ sħana straordinarju – madwar id-dinja – ikkontribwixxa , fost oħrajn, għan-nirien ( wildfires) rekord ta’ Kalifornja, fl-Istati Uniti u l-Awstralja.

Fl-istess ħin, il-fenomenu tas-sħana kkaġuna l-aktar ġurnata tisreġ fl-istorja – meta t-temperaturi telgħu għal 54.4 C (130F) f’Death Valley, f’Kalifornja.

Mill-banda l-oħra, il-livell tas-sħana ‘elevat’ kien ukoll fattur għall-inżul tax-xita kontinwu fin-nofsinar ta’ Franza – meta niżlet aktar min-nofs metru ta’ xita f’ġurnata waħda biss.

L-Uffiċċju Metoroloġiku ta’ Franza – Meteo-France – kien sostna, wara, li gelgul fuq skala hekk kbira hu fenomenu li wieħed jistenna ‘għal darba f’mitt sena’ u meta fil-fatt, il-pajjiż kien iddestinat li jgħaddi minn żewġ fenomeni fuq livell hekk rari f’xahar wieħed.

L-osservaturi u l-esperti tat-temp qablu li dawn l-avvenimenti huma straordinarji — meta l-klima u t-temp huma disposti li jvarjaw minn żmien għal żmien u minn sena għall-oħra.

U waqt li r-rekords tat-temp kemm-il darba jinkisru bħala konsegwenza naturali, il-meteoroloġisti xorta huma preokkupati bix-xejriet estremi – karatterizzati mis-sħana storika ta’ Settembru.

Sadanittant, l-esperti wissew mill-ġdid li, ‘bħalma ilhom jgħidu għal snin’, id-dinja trid taċċetta li żieda fil-produzzjoni ta’ greenhouse gases għandha twassal għal aktar global warming – u livelli ta’ sħana li, ‘il quddiem, kapaċi jkunu ‘insostenibbli’ għad-dinja.