Lokali Qorti

“Il-vot ta’ sfiduċja f’Konrad Mizzi ma’ kienx ‘free vote’ jew nappoġġawh jew nirreżenjaw” – Josè Herrera

“Meta kien hemm vot ta’ sfiduċja f’Konrad Mizzi dan ma kienx ‘free vote’, jew nappoġġawh jew nirreżenjaw. Din kienet is-sitwazzjoni. Sadanittant meta ġie żvelat min kien sid il-kumpanija 17 Black, “dakinhar kien il-bidu ta’ rollercoaster”.

“It-terminoloġja ta’ ‘kitchen cabinett; hija l-Prim Ministru hija li jkollu nies viċin tiegħu bħal ma’ kien il-każ fir-rigward ta’ Keith Schembri.  Il-mistoqsija din għandha tkun diretta lejn ll-Ministri li semmewha, pero iva huwa minnu li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kellu Ministri ferm viċin tiegħu u jien ma kontx wieħed minnhom.

“Ma nqis lili nnifsi bħala konfidant ta’ Joseph Muscat, għax ma kelliex relazzjoni personali jew intima miegħu. Fuq l-involviment ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-Panama Papers sirt naf kollox mill-midja.

“Kont tajt parir lill-Prim Ministru Muscat u għidtlu li l-Ministru Mizzi u ċ-Chief of Staff għandhom jirriżenjaw. Kien hemm perjodu wkoll meta l-armonija fil-kabinett kienet ħadet daqqa ta’ ħarta.”

Dan xehdu il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Josè Herrera iżda li ma semmiex min huma dawn il-Minisrtri li kienu viċin ta’ Muscat aktar minn ħaddieħor.

Herrera kien qed jixhed fl-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, li għandha l-għan tistabilixxi jekk l-Istat setax għamel aktar biex jipprevjeni l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-Ministru Herrera tenna li hemm tliet funzjonijiet ta’ kif jaħdem Ministru: hemm deċiżjonijiet li jista’ jieħu l-Ministru abbażi tal-liġi, hemm dokumenti bħal policy documents u atti tal-liġi li l-Ministru jista’ jipproponi lill-Kabinett u hemm okkażjonijiet fejn il-MInistru jista’ jkellem direttament lill-Prim Ministru.

Qal li hu kien jitkellem mal-Prim Ministru u mhux l-ewwel darba li preżenti kien ikun hemm Ministri oħrajn. Tenna li meta kien qed jaħdem fuq proġetti li setgħu kienu kontroversjali huwa kien ikellem direttament lill-Prim Ministru.

Robert Abela u Louis Grech kienu jkunu preżenti għal laqgħat tal-kabinett bħala konsulenti

Persuna li kienet tkun preżenti dejjem kien Keith Schembri. Dan kien ikun preżenti għal-laqgħat kollha u li hu kien l-aktar persuna fdata minn Joseph Muscat. Fil-laqgħat tal-kabinett kienu jkunu preżenti wkoll il-Prim Ministru preżenti Robert Abela u Louis Grech li kienu jattendu bħala konsulenti.

Dwar l-Electrogas, jekk dan kienx ippreżentat fil-Kabinett qal li t-transizzjoni għall-powerstation li taħdem bil-gass kienet wegħda elettorali. Qal iżda li l-għażla tal-konsorzju ma kienx analizzat jew diskuss f’livell ta’ Kabinett. Qal ukoll li s-sidien (dawk li kellu jkollhom l-isħma) ma kinux diskussi fil-laqgħat tal-Kabinett

Fuq il-garanzija bankarja, Herrera tenna li l-estensjoni kienet diskussa fil-Kabinett minħabba l-kwistjoni li kienet tqajmet dwar State Aid. Sostna li dak li qed jgħid hu bħalissa qed jikkonferma r-rapporti li huma diġa fid-dominju pubbliku għaliex ma jistax jgħid x’kien jiġi diskuss fil-Kabinett.

Fuq aktar mistoqsijiet tal-Bord il-Ministru qal li ma jiftakarx li l-falliment tal-Electrogas qattx kienx diskuss fil-Kabinett. Dwar dan il-proġett qal li jiftakar li darba, meta Konrad Mizzi kien għadu kemm ġie approvat mill-Partit Laburista, huwa kien għamel preżentazzjoni tal-proġett tal-powerstation.

Ix-xhud qal li wara l-preżentazzjoni, meta l-Partit Laburista kien rebaħ l-elezzjoni kienet ħarġet esperessjoni ta’ interess f’temp ta’ ftit ġimgħat. Dwar l-isptarijiet, il-VGH qal li wegħda oħra elettorali kienet li l-Partit Laburista jinvesti ħafna fl-isptarijiet tal-istat li ma kinux użati tajjeb dan fil-konfront tal-isptar San Luqa, Karin Grech u l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Il-Ministru sostna li dokument dwar it-triq ‘il quddiem kien ippreżentat lill-Kabinett fi preżentazzjoni tal-Ministru Konrad Mizzi, li dak iż-żmien kien Ministru għas-Saħħa.

“Il-proġett kien attraenti u r-riżultat finali tiegħu kien li jipprovdi dħul lill-Enemalta. Il-mod kif kien se jaħdem ma ġiex spjegat lilna dak iż-żmien, imma kien hemm indikazzjoni ċara li s-settur tal-enerġija kellu jkun parzjalment privatizzat kompletament”.

Herrera kien mitlub mill-Bord jikkonferma dak li qal li t-tender għall-power station inħareġ wara biss ftit ġimgħat u għaliex. “Mhux se nikkontradixxi dan,” huwa qal. “Imma nista ‘nixhed biss fuq fatti, mhux fuq opinjoni”.

Ma sar ebda skrutinju għall-bini tal-power station

Fuq mistoqsija ta-Imħallef Mallia dwar jekk il-Kabinett skrutinizzax lill-bidder preferut. Herrera jwieġeb fin-negattiv u lanqas jiftakar li kien hemm MoU. Qal ukoll li “fil-bidu tal-leġislatura kien hemm iktar armonija fil-Kabinet.”

Mistoqsi dwar ir-rapporti tal-FIAU, Herrera qal li kif kien semma, l-armonija fil-Kabinett ma kinitx l-istess. Herrera tenna li jekk kien hemm nies li aġixxew b'”mala fede” għandhom iwieġbu għall-azzjonijiet tagħhom.

Dwar l-Università Amerikana, Herrera qal li sakemm jiftakar hu, l-American University of Malta ma kinitx parti mill-programm elettorali iżda qal li l-Gvern mhux illimitat mill-manifest.

Il-Ministru kompla jgħid li l-AUM kien proġett kontroversjali ieħor u dan minħabba l-impatt ambjentali. Qal li dak iż-żmien jistqarr li ma kellux l-informazzjoni li wara ħarġet fil-pubbliku.

Qal li kellu r-riservi mill-aspett ambjentali u ħadem biex jinkludi art f’parti naturali biex tikkumpensa. Qal li għandu fiduċja fl-istituzzjonijiet Maltin minkejja li mhumix perfetti. Saħaq ukoll li trid tingħata biżżejjed importanza lir-rapporti tal-NAO.

Fuq aktar domandi minn naħa tal-Bord Herrera qal li mhux qiegħed quddiem l-inkjesta biex jiddefendi lil xi ħadd. L-Imħallef Mallia ikkumenta fuq il-Panama Papers u staqsa lix-xhux kif kellhom jgħaddu erba’ snin biex jittieħdu passi dwar il-Panama Papers?

Herrera wieġeb billi qal li wħud mill-inkjesti damu aktar milli suppost. Qal li jemmen li ċerti inkjesti għandhom jiġu konklużi u qal li jifhem minn naħa l-oħra li r-riżorsi huma limitati.

Dwar il-fatt li Konrad Mizzi kien tneħħielu l-portafoll iżda baqa’ bħala Ministru u b’ċertu saħħa, Herrera qal li l-kritika seħħet fil-pubbliku iżda fil-Kabinett, il-Prim Ministru għandu l-prerrogattiva.

Herrera iddefendi d-deċiżjoni tiegħu li jibqa’ kwiet u jsegwi l-linja tal-partit, billi jargumenta li s-sistema parlamentari ta’ Malta titlob id-dixxiplina tal-partit.

“F’dan il-każ ma ngħatajniex ‘free vote;. Kellna jew nappoġġjaw il-vot jew nirriżenjaw fuq prinċipju. Dakinhar ħassejt li kien iktar opportun li nibqa’ hemm. Riżenja tfisser li l-influwenza tiegħek tieqaf hemm. Li nibqa’ kienet tiswa’ li nista’ nkompli nikkontribwixxi b’mod pożittiv ”.

Il-Ministru Herrera qal li hu ma jafx lil Yorgen Fenech u kien iltaqa’ miegħu darba fil-ftuħ ta’ stabbiliment tal-logħod meta kien responsabbli mill-iGaming. Sar jaf aktar dwar Fenech mill-midja.

Kompla jgħid li hu bħala Ministru jmur Kastilja darba fil-ġimgħa għal-laqgħat tal-Kabinett u qatt ma ra lil Yorgen Fenech fil-bini, iżda seta’ kien x’imkien fil-bini u hu ma rahx. Qal ukoll li sar jaf li Fenech u Schembri kellhom negozju flimkien permezz tal-midja. Tenna li sar jaf lil Keith Schembri fil-kampanja tal-elezzjoni ġenerali tal-2013.

“Jien ma ġejtx elett mill-istrutturi tal-partit u għalhekk ma kontx naf bi Schembri qabel ma dħalt fl-istrutturi tal-partit” qal ix-xhud. Dwar id-‘direct order’ biex jimpjega security privata, Herrera qal li kien hemm klima differenti u ħass li għandu jkun pro-attiv għax ma kienx jaf kif kienet se tiżviluppa s-sitwazzjoni.

Huwa qal li għamel li għamel għax fil-pajjiż kien hawn ċerta tensjoni. Mistoqsi jekk impjegax miegħu l-membru tas-sigurtà minħabba li l-laqgħa tal-kabinett li kienet damet sal-4.00am. Qal li dak li ġie diskuss fil-kabinett ma jistax jiżvelaħ fil-pubbliku.

Tenna li ma kienx hemm theddida diretta fil-konfront tiegħu u għamel dak li għamel bħala prekawzjoni. Dwar ir-reazzjoni tal-Kabinett għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, qal li dak il-ħin li spoldiet il-bomba kien mas-Segretarjat tiegħu fil-Ministeru.

Il-qtil ta’ Daphne kienet waħda mill-agħar ġrajjiet għal pajjiż

Ir-reazzjoni tiegħu kienet ta’ diżgust totali, xi ħaġa mhux aċċettabbli. Din kienet waħda mill-agħar ġrajjiet għal pajjiżna. Qal li għadu sal-lum dispjaċut u l-istess sentiment kien espress mill-kollegi tiegħi wkoll.

L-Avukat Therese Comodini Cachia għamlet diversi mistoqsijiet bl-ewwel waħda tkun dwar dwar “il-kabinett tal-kċina” u staqsietu dwar il-kumplament tal-konfidanti ta’ Muscat minbarra Schembri u Mizzi.

Herrera qa li huwa qatt ma uża t-terminu “il-kabinett tal-kżina”. Ippressat aktar dwar dan, Herrera qal li Muscat kien jafda ħafna liċ-Chief of Staff tiegħu.

Tenna wkoll li minħabba li Konrad Mizzi kien imexxi entità li kellha proġetti kbar, Muscat kien jafdah ħafna u qal li ma jafx b’oħrajn. Dwar Keith Schembri jekk kienx preżenti meta l-Kabinett iddiskuta t-talba ta’ Yorgen Fenech għal maħfra presidenzjali, huwa wieġeb fin-negattiv u dan għaliex kien x’imkien ieħor.

Herrera qal ukoll li anke Joseph Muscat kien ħareġ mil-laqgħa waqt din id-diskussjoni. Fuq il-preżentazzjoni tal-powerstation qal li dehret li din kienet ippreparata minn esperti tekniċi minħabba d-dettall li kellha. Qal li la hu u sa fejn jaf hu lanqas sħabu ma kellhom idea min seta’ ppreparaha.

Herrera qal li kien konxju tal-involviment ta’ Yorgen Fenech fil-qtil meta n-negozjant ġie arrestat. F’mument partikolari, lejn l-aħħar, kien hemm suspett tal-involviment tiegħu. “Ma jfissirx li xnigħat mhux veru imma ma kien hemm l-ebda evidenza sostanzjali dak iż-żmien.

Herrera qal li r-rivelazzjonijiet tal-Panama Papers kienu jinkwetawh immens. “Jien smajt li qal li l-Prim Ministru kien ingannat minn persuni qrib tiegħu u kellhom raġun,” kompla jgħid. Herrera sostna li Muscat dak iż-żmien ħass li jerfa’ r-responsabbilta u jirriżenja, u dan kien tradiment.

L-Avukat Jason Azzopardi f’sensiela ta’ domandi li għamel ħareġ li f’Mejju 2016 li l-ordni tal-whipLaburista kienet biex Konrad Mizzi jingħata fiduċja. F’Ġunju ta’ din is-sena iżda ġie deċiż li jitkeċċa b’relazzjoni ma’ 17 Black u Panama Papers.

Herrera qal li l-affarijiet nbidlu għaliex ċertu affarijiet ma baqgħux konġenturi imma provi jew aħjar għodda li setgħet twassal għal xi ħaġa. Ċertu affarijiet li f’ħin minnhom kienu biss akkużi, iżda bdew ikollhom aktar ċari u għalhekk ġie deċiż li jitkeċċa.

Joseph Muscat żbalja li ma keċċiex lil Konrad Mizzi u Keith Schembri

Dwar Joseph Muscat l-aspett pożittiv tiegħu kien f’dak li għandha x’taqsam mal-ekomomija u organiżża partit b’saħħtu, imma minn naħa l-oħra żbalja fuq affarijiet oħra.

Mingħajr duby Muscat żbalja li ħalla lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri fl-kariga u ma keċċiehomx. Dwar il-monument quddiem il-Qorti u jekk it-tindif tiegħu kienx diskuss fost id-deputati tal-Gvern, ix-xhud qal li le u li lanqas kien fuq l-aġenda tal-Gvern.

Dwar elezzjoni ġenerali msejjħa li kienet tħabbret fl-1 ta’ Mejju, 2017, qal li ma kellux idea. Kien hemm biss xnigħat u sar jaf dak inhar. Dwar il-maħfra ta’ Melvin Theuma, din ma kinitx diskussa fil-kabinett imma ħadha l-Prim Ministru waħdu.

L-Avukat Azzopardi staqsa dwar ‘direct orders’ mogħtija lil Nexia BT u jekk kienx hemm raġuni li l-Ministeru mmexxi minn Herrera kien fin-naħa t’isfel tal-lista meta kien qed iħares lejn ‘direct orders’.

“Ma kontx naf lill-individwi li jmexxu Nexia BT. Kelli awdituri hemm. Meta kont Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Ekonomija kien hemm ditta oħra tal-awditjar li kont nafda fiha.” Ix-xhud qal li jippreferi li ma jkollu xejn x’jaqsam ma’ kumpaniji bħal dawn.

Dwar meta ġie arrestata Keith Schembri meta ma nstabx il-mobile tiegħu u li ftit tas-sigħat qabel huwa kien fir-residenza ta’ Joseph Muscat, qal li ma daħalx f’dan il-punt.

Qal li l-kabinett ma ngħatax raġuni kif Vince Muscat, il-Koħħu, ħarrek lil Joseph Muscat, Owen Bonnici u Keith Schembri. Tenna li ħadd ma tkellem dwar dan.

L-Avujat Azzopardi staqsa dwar il-laqgħa tal-kabinett li saret fit-28 ta’ Novembru fuq min ippresiedi l-laqgħa meta l-Prim Ministru ħareġ il-barra, Herrera qal li normalment meta Prim Ministru Muscat kien joħroġ, id-Deputat Prim Ministru jippresjedi l-laqgħa.

Herrera sostna wkoll li ma rċieva l-ebda messaġġ fuq WhatsApp minn Keith Schembri waqt li kienet għaddejja dik il-laqgħa tal-kabinett partikolari. Ma jafx jekk ħaddieħor irċeviex.

Il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Ispettur tal-Pulizija Keith Arnaud kienu preżenti għal-laqgħa tal-kabinett. F’xi punt, l-Avukat Ġenerali daħal ukoll fil-laqgħa.

Dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi u jekk jaqbilx magħha qal li jkun għaqli ħafna li jkun hemm bidla. Dik li fil-prinċipju kull partit għandu jkollu awtonomija mill-influwenza tan-negozjanti.

Muscat irriżenja minħabba l-arrest ta’ Keith Schembri u Yorgen Fenech

Dwar jekk qalx għaliex irriżenja Joseph Muscat, Herrera qal li Muscat kien irriżenja minn Prim Ministru u qal lil sħabu l-Membri Parlamentari li dan ġara minħabba l-arrest taċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-arrest ta’ Yorgen Fenech, negozjant involut f’negozju prominenti.

Wara xehed Saviour Balzan l-editur Maniġerjali ta’ MediaToday bl-Imħallef Lofaro tistaqsi dwar it-telefonata bejn Saviour Balzan u Keith Schembri fl-2017.

Balzan jgħid li huwa jħossu daqsxejn imfixkel u offiż dwar dan. Qal li hu u Daphne Caruana Galizia kellhom relazzjoni ħażina ħafna u kien jirrifjuta li juża isimha.

Tenna li dak iż-żmien kien ivverifika u ddeċida li jsejjaħ dak li qalet hi bħala ‘bluff’. JHuwa ċaħad bil-qawwa kollha li seħħet xi telefonata. “X’kien ħażin li jkolli telefonata ma’ Chief of Staff? Tkellimt ma’ diversi Prim Ministri u Chief of Staff fil-karriera tiegħi”, qal Balzan lill-Bord ta’ Inkjesta.

Ix-xhud qal li filwaqt li jista’ jidher bħala konspirazzjoni, huwa jemmen li kienu s-servizzi tas-sigurtà li pprovdewha bi ftit informazzjoni.  Tenna li meta Keith Schembri kien ċempillu ma setax jisimgħu għax kien fuq dgħajsa li kienet qed taqsam minn gżira fi Franza.

Huwa ċaħad dak li kienet tgħid Daphne Caruana Galizia fuqu li moħħu biex jiddefendi lill-Gvern. Qal li kien hemm fost 40 sejħa mill-gazzetta tiegħu biex Mizzi u Schembri jirriżenjaw, u rrimarka li Caruana Galizia ppruvat tagħti stampa differenti.

l-Prim Ministru qal li kien ċempillu biex jipprova jikkonvinċih dwar Egrant. Balzan qal li minn 10 stejjer, li Daphne kienet tippubblika, tlieta kienu jkunu brillanti filwaqt li għall-bqija hi ma setgħetx tagħti provi.

Balzan tenna wkoll li mill-evidenza li saret magħrufa sal-lum, Caruana Galizia saret taf b’Egrant meta kienet qed tingħalaq u li kellha raġun tgħid dak li kellha dwar l-iskop ta’ Egrant meta wieħed iħares lejn il-mod kif intużaw proġetti oħra.

“Jiena naħlef fuq uliedi li dan kollu huwa fairytale,” Balzan qal li Joseph Muscat kien qallu dan id-diskors bit-telefown u kompla jgħid li Muscat kien raġel elokwenti.

Balzan qal lill-Bord li dawk li ordnaw l-assassinju għadhom hemm. Hemm xnigħat li hemm tliet bombi – waħda użata fil-każ ta’ bomba, waħda ntużat fuq Caruana Galizia u t-tielet waħda ma ntużatx.

Ix-xhud qal li jemmen li mill-amministrazzjoni preżenti, ma jaħsibx li hemm nies li jkunu lesti li jagħmlu affarijiet bħal dawn. Balzan sostna li l-midja teħtieġ tkun aktar kolleġġjali, b’ġurnalisti jaħdmu flimkien u aktar aċċess għall-informazzjoni.

Balzan qed iħossu wkoll urtat li l-media house tiegħu hija l-unika waħda li ma tieħux Covid-19 Wage Supplement u qal li ma teżisti l-ebda rieda politika biex tissolva s-sitwazzjoni fil-media.

L-inkjesta qed tinstema’ mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia, li qed imexxi l-inkjesta, l-eks Prim Imħallef Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro   Għall-familja ta’ Daphne Caruana Galizia qegħdin jidhru l-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia. L-inkjesta se tkompli l-Ġimgħa bix-xhieda tal-Ministru Carmelo Abela.