Diversi Membri tal-Parlament Ewropew minn gruppi politiċi differenti faħħru l-irwol li kellu l-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa biex jitfassal il-Premju għall-Ġurnaliżmu Daphne Caruana Galizia. Din id-dikjarazzjoni saret fi stqarrija ffirmata minn MEPs li jiffurmaw il-Grupp ta’ Ħidma tal-Midja tal-Parlament Ewropew.
L-MEPs faħħru l-pass għaqli li ħa l-Parlament Ewropew mhux biss li ħoloq premju li jirrikonoxxi l-ġurnaliżmu, iżda wkoll li dan issemma għall-ġurnalista investigattiva Maltija Daphne Caruana Galizia. L-MEPs qalu li:
“Daphne Caruana Galizia tissimbolizza l-valuri Ewropej. Daphne ma beżgħetx tiġġieled għall-verità u l-prinċipji demokratiċi li l-Unjoni Ewropea hi mibnija fuqhom. Daphne għandha tkun t’ispirazzjoni għal kulħadd.”
David Casa mexxa ‘l quddiem dan il-Premju fir-rwol tiegħu ta’ Kwestur fil-Bureau tal-Parlament Ewropew.
L-MEPs li ħarġu din stqarrija ġejjin minn diversi pajjiżi u gruppi politiċi, fosthom l-Partit Popolari Ewropew, is-Soċjalisti, l-Liberali, l-Ħodor, il-Konservattivi u anke tax-Xellug.
//= $special ?>