Il-Kummissarju tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CPRD) Oliver Scicluna, saħaq li fl-iskejjel ma jistgħux jidħlu miżuri tal-COVID-19 li jpoġġu studenti b’diżabilità jew dawk li jeħtieġu appoġġ speċifiku f’detriment.
Dan ħareġ minn stqarrija maħruġa mis-CRPD li ġiet notifikata li numru ta’ għalliema li jipprovdu servizzi speċifiċi, bħal għalliema għal persuni neqsin mid-dawl u mis-smigħ, servizzi ta’ intervent bikri, kif ukoll servizzi importanti oħra li qed jiġu pprovduti mill-Iskola Nazzjonali Servizzi ta’ Appoġġ (NSSS), se jieqfu jipprovdu dawn is-servizzi minħabba kwistjonijiet operattivi u loġistiċi ta’ COVID-19.
Il-Kummissjoni ġiet infurmata li dawn l-għalliema minflok se jkunu qed jgħinu f’oqsma oħra tal-edukazzjoni minħabba li l-Gvern jeħtieġ aktar għalliema. Il-CPRD qalet li filwaqt li tifhem u tapprezza li s-sitwazzjoni attwali teħtieġ miżuri straordinarji, m’għandhiex tkun għad-detriment ta’ studenti b’diżabilità jew dawk li jeħtieġu appoġġ speċifiku.
Il-Kummissarju saħaq li “Servizzi bħal dawn ma jistgħux jitqiesu bħala servizzi sekondarji iżda bħala mekkaniżmi essenzjali għal studenti partikolari.” Kien għalhekk illi l-Kummissjoni ħeġġet lill-awtoritajiet responsabbli biex jevalwaw mill-ġdid is-sitwazzjoni biex jipprovdu l-appoġġ meħtieġ lill-istudenti kollha, kif inhu d-dritt tagħhom.
//= $special ?>