Lokali Saħħa

Numru ta’ persuni qed ikollhom konsegwenzi

Ħafna staqsew jekk hux qed ikun hemm konsegwenzi fuq il-persuni li jfiequ mill-COVID-19 u aktar kemm jgħaddi żmien, aktar ma qed jinstabu każi ta’ persuni li sfortunatament, għalihom il-virus qed ikun ta’ konsegwenza fuq is-saħħa.

Dwar dan tkellem il-Virologu Chris Barbara waqt li kien intervistat fuq il-programm Net Live fejn saħaq li l-maġġoranza tal-persuni li jfiequ qed ikunu mingħajr ebda konsegwenzi pero qal li ra nies, li n-numri tagħhom “mhux rari imma mhux komuni.” Chris Barbara saħaq li f’pajjiżna qed naraw persuni li jkollhom konsegwenzi fit-thyroid, muskoli u fil-qalb fost oħrajn. Stqarr kif qed jaraw li meta persuna jaqbdu l-virus it-tieni darba, normalment is-sintomi jkunu inqas mill-ewwel darba.

Chris Barbara kien mistoqsi dwar ir-rata ta’ trażmissjoni f’pajjiżna fejn qal li bħalissa żgur tinsab aktar minn 1.0. Hu qal li l-awtoritajiet tas-saħħa jħarsu lejn dan in-numru biex jikkalkulaw x’tip ta’ miżuri għandhom jittieħdu.

Barbara saħaq li rridu nsibu bilanċ pero jispera li fix-xhur li ġejjin ikollna l-għajnuna permezz tal-vaċċin. Hu stqarr li jista’ jkun li sal-aħħar tas-sena jkollna l-ewwel tilqima li imbgħad inkunu rridu nistennew xi xhur sakemm issir il-produzzjoni tagħha biex tkun tista’ tasal għand kulħadd.

Waqt li kien qed jitkellem fuq Net Television, Chris Barbara stqarr li hawn nies li jdumu jkaxxkru bil-COVID għaliex l-imunità tagħhom ma tkunx bhal ta’ ħaddiehor.

Hu tkellem dwar l-importanza li tittieħed it-tilqima tal-influwenza speċjalment fix-Xitwa hekk kif il-Coronavirus u l-influwenza huma simili ħafna fis-sintomi. Minħabba dan il-fatt kull minn ikollu sintomi hu mħeġġeġ li jmur jagħmel swab test li se jkun jista’ juri jekk persuni jkollux l-COVID-19 jew influwenza.

Il-virologu tkellem dwar l-importanza tal-użu tal-maskri, l-igjene u d-distanza soċjali li huma l-uniċi metodi biex nirribattu l-virus.