Lokali

Raġel bi ġrieħi gravi wara inċident fil-Marsa

Raġel ta’ 38 sena mill-Georgia, ttieħed b’emerġenza l-Isptar Mater Dei wara li sofra xi ġrieħi fil-Marsa.

Għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar , l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha ġo maħżen fi Triq ix-Xatt il-Mollijiet, il-Marsa.

Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li waqt lir-raġel kien qed jagħmel xi xogħol, għal xi raġuni folja tal-ħadid waqgħet fuq siequ u sofra xi ġrieħi.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza li ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.