Għadhom maħruba l-persuna jew persuni li matul il-lejl ta’ bejn it-Tlieta u l-Erbgħa wettqu serqa mill- ispiżerija “Saint Publius Pharmacy” fi Triq il-Miratur fil-Floriana.
Mill-ewwel indikazzjonijiet mill-Pulizija, ġie kkonfermat ma’ Net News li sa issa nstab li nsterqu ammont ta’ flus kontanti, iżda mhux qed ikun eskluż li ttieħdu xi oġġetti oħra mill-ispiżerija.
Il-pulizija qalulna li l-ħalliel, jew ħallelin daħlu minn tieqa fil-ġenb tal-ispiżerija li tinsab fi Triq l-Isqof Mauro Caruana.

Dan l-istazzjon jista jikkonferma li waqt il-ħin tas-serqa ma kien hemm ħadd fil-proprjetà.
Il-Pulizija għadha qed tinvestiga dan il-każ, u minn kmieni filgħodu fil-post kien hemm il-membri mit-tim tal-Forensika li ħadu marki tas-swaba u evidenza oħra li setgħet tiġi elevata mill-post.
L-istharriġ dwar il-każ għadu għaddej, fejn mhux eskluż li l-Pulizija tuża cameras tas-sigurta’ li hemm fil-viċinanzi sabiex jinqabdu l-ħallelin.
