Il-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli sejjaħ laqgħa urġenti wara li iktar kmieni din il-ġimgħa Infrastructure Malta bagħtet l-inġenji, biex mingħajr konsultazzjoni, biex taqbad u tiftaħ triq qalb ir-raba’ fil-lokalità.
Il-proġett twaqqaf meta diversi residenti, ħafna minnhom bdiewa li jgħixu minn fuq l-art agrikola li se tinqered, kif ukoll għaqdiet mhux governattivi bħall-Moviment Grafitti nġabru fil-post għal protesta spontanja.
Fil-laqgħa tal-Kunsill, wara li resident ikkummissjona rapport ta’ espert biex jintbagħat lill-Kunsill Lokali, sar magħruf li hemm diskrepanza bejn il-pjani indikattivi tal-proġett u l-Local Plan kif approvat mill-Parlament fl-2006. Fil-liġi, kien hemm ħsieb biex jiġu protetti kmamar u strutturi eżistenti, fosthom li t-triq ma tgħaddix eżatt magħhom jew teqridhom.
Is-Sindku attwali wkoll irrimarka li l-awtoritajiet lilu kienu wegħduh li mhux se jitwaqqgħu strutturi. Għalhekk, u fuq insistenza mill-kunsillier Nazzjonalista David Vassallo, il-Kunsill Lokali issa se jikteb lill-awtoritajiet b’mod uffiċjali u jinnota dawn id-diskrepanzi.
Fost l-istrutturi f’riskju hemm dik li hi maħsuba li hi kappella medjevali, li dwarha l-kunsillier David Vassallo ilu sa minn Marzu li kkomunika mas-Supretendent tal-Wirt Kulturali u l-Awtorità tal-Ippjanar fejn talab informazzjoni dwarha u kkonfermawlu li ‘żgur hi binja medjevali.’
Ir-rapport tal-espert jinnota wkoll li fi pjanti antiki saret riferenza għas-sit bħala ‘torba’ li hi kelma antika għal post dfin. Dan iqajjem tħassib li fil-post jista’ jkun hemm ukoll siti arkeoloġiċi midfuna taħt l-għelieqi.
Fid-dawl ta’ dan Vassallo appella wkoll biex issir talba li jkun hemm il-galbu kollu neċessarju f’dan il-proġett, inkluż fl-għażla tal-inġenji, kif ukoll moniteraġġ arkeoloġiku li jiżgura l-protezzjoni tas-sit jew eventwali sejbiet.
Waqt il-laqgħa, is-Segretarju tal-Kunsill lokali kkonferma li, bil-miktub, il-Kunsill Lokali rċieva diversi ittri minn persuni li jilmentaw għal dan il-proġett iżda ma kien hemm l-ebda persuna li qalet lill-Kunsill Lokali li hi favur dan il-proġett.
Fakkar ukoll li l-Kunsill Lokali talab li jiltaqa’ mal-awtoritajiet konċernati imma dawn il-laqgħat s’issa għadhom ma sarux.
Fil-laqgħa spikkaw it-tentattivi ta’ Sandro Azzopardi, eks Sindku li llum hu Viċi Sindku tal-lokalità, biex jiġġustifika dan il-proġett. Sandro Azzopardi, kanvasser ewlieni tal-Ministru Ian Borg u li ddaħħal jaħdem fl-istess ministeru minn Ian Borg, ripetutament hu nnota li lilu kellmuh nies li huma favur il-proġett.
Sadattant, wara kritika qawwija li qala’ għall-assenza tiegħu milli jiddefendi lid-Dinglin, il-Ministru Ian Borg qassam ittra lir-residenti kollha fejn jiftaħar li hu qrib tagħhom imma fl-istess waqt jiftaħar ukoll b’dan il-proġett li fi kliemu se jsir.
//= $special ?>