Internazzjonali

Tislima lil Eddie van Halen mingħand il-ġganti tar-Rock

L-esponenti ewlenin tal-mużika kontemporanja qegħdin isellmu lill-memorja ta’ Eddie Van Halen, il-kitarrista u ko-fundatur tal-grupp tar-Rock, Van Halen, li miet mill-marda tal-kanċert fl-età ta’ 65 sena.

Il-kantant tal-grupp ‘Kiss’, Gene Simmons, irrefera għal Van Halen bħala ‘surmast ewlieni tal-kirattra’ waqt li kantanti u mużiċisti oħra qabblu lill-mibki kitarrist bħala ‘il-(Wolfgang Amadeus) Mozart ta’ żmenijietu’.

Min-naħa tiegħu, Brian May, il-famuż kitarrist tal-grupp Queen qal li Van Halen ħalla warajh wirt mużikali bħala ‘l-aktar kitarrist oriġinali fl-istorja tal-mużika Rock’.

Intant, il-membri tal-grupp Red Hot Chili Peppers, Geezer Butler tal-grupp Black Sabbath u Sammy Hagar – li wkoll kien jifforma parti mill-grupp Van Halen – kienu fost l-ewwel protagonisti tar-Rock li esprimew in-niket tagħhom għat-telfa tal-ħabib kbir tagħhom.

Nikki Six tal-grupp Motley Crue u Mike McCready tal-grupp Pearl Jam ukoll qablu dwar ‘l-influwenza li ħalla Eddie Van Halen fuq il-ġeneru Rock ta’ livell internazzjonali.’

Eddie Van Halen – Olandiż-Amerikan – kien ilu x-xhur jingħata t-trattament għall-kanċer fil-ġerżuma u mewtu tħabbret tard fil-lejl tat-Tlieta.Hu kien ilu dieħel u ħiereġ mill-isptar tul l-aħħar sena u riċentement kien għadda minn kors ta’ kimoterapija.

Il-grupp Van Halen jibqa’ l-aktar magħruf  għall-kanzunetta ‘Jump’ li, fl-1984, telgħet fil-quċċata tal-klassifika tal-hits fl-Istati Uniti minbarra li kisbet popolarità kbira madwar id-dinja.

Eddie Van Halen – li l-idolu tiegħu ta’ kull żmien kien il-kitarrist leġġendarju Eric Clapton – kien idoqq ukoll id-drums u fforma l-grupp li jġib ismu fl-ewwel parti tas-snin sebgħin, fil-belt ta’ Los Angeles,

Hu kien stabbilit bħala membru tar-Rock and Roll Hall of Fame fl-2007 wara li t-teknika tiegħu bħala mużiċista ta’ kapaċità rari influwenzat numru kbir ta’ kitarristi – speċjalment matul is-snin tmenin.