Lokali

Titlef ħajjitha wara 12-il sena f’koma

Marla Grech – tfajla Għawdxija ta’ 27 sena – sfortunatament tilfet ħajjitha wara li kienet ilha f’koma għal 12-il sena meta kienet involuta f’inċident tat-traffiku fl-1 ta’ Marzu tal-2008.

It-tfajla, li dakinhar tal-inċident kellha biss 15-il sena u li kienet ser tibda l-eżamijiet tas-SEC.. kienet passiġġiera mal-għarus tagħha li kien qed iwassalha lejn id-dar taghha. Iżda sfortunatament tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu u baqa’ dieħel f’arblu tad-dawl u ħajt.

Minħabba li Marla kienet iddikjata li ġarrbet disabilta permanenti, ħajjet il-ġenituri tagħha, Xavier u Celestina Grech kienet inqalbet ta’ taħt fuq. Missierha u ommha kienu jieħdu ħsiebha waqt li kienet qed tingħata l-kura fl-Isptar f’Malta …u sahansitra tilfu l-impjieg tagħhom.

Ħames snin ilu, is-sewwieq tal-karozza Jeffrey Vella.. kien tressaq il-qorti t’Għawdex mill-ġenituri tal-vittma fejn kien konfermat li l-inċident seħħ minħabba li Vella kien qed isuq b’veloċita eċċessiva.

Il-Qorti kienet laqgħet it-talba tal-ġenituri u sabet li l-eks sieħeb ta’ binthom kien l-uniku persuna responsabbli tal-inċident… u ġie ordnat mill-Maġistrat Paul Coppini biex iħallas €394,917 f’danni

Il-mewt ta’ din it-tfajla tibqa’ gerha mhux biss ghall-familja Grech, izda anke ghall-hbieb kollha ta’ Marla li kienu jafuha mill-qrib.