L-Italja ħarġet direttivi li qed jagħmluha mandatorja biex in-nies jilbsu l-maskri tal-wiċċ barra t-triq u fil-postijiet pubbliċi, f’tentattiv biex il-firxa tal-coronavirus ma tinfirixx. It-Taljani se jkollhom jilbsu wkoll il-maskri fuq ġewwa kullimkien – ħlief meta jkunu fid-djar privati.
Għalkemm il-każi tal-Covid-19 fl-Italja huma ħafna anqas minn ta’ ħafna pajjiżi oħra fl-Ewropa, iż-żieda fl-infezzjonijiet (f’dan il-pajjiż) reġgħet qabdet ritmu konsistenti.
Il-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte, qal li l-miżuri iebsa huma meħtieġa biex il-pajjiż ma jirritornax taħt lockdown li jħalli riżultati devastanti minn lat ekonomiku. Dan meta l-maskri jridu jintlibsu fil-ħwienet, l-uffiċini, fil-ħwienet tax-xorb, fir-ristoranti (ladarba persuna ma tkunx bilqiegħda) u ladarba persuna tuża t-trasport pubbliku.
Qabel id-direttiva daħlet fis-seħħ għall-pajjiż kollu, l-ilbies tal-maskri fuq barra kien diġà qed ikun sfurzat fi bnadi oħra tal-Italja – inkluża Ruma – u fejn kien hemm żieda fl-infezzjonijiet bil-Covid-19.
Sadanittant, il-Ġermanja irrappurtat ‘spike’ fir-rata tal-infezzjonijiet għal aktar minn 4,000 każ, kuljum . Iċ-ċifra tal-każi ġodda għal 24 siegħa hi l-ogħla fil-Ġermanja għal ġurnata waħda minn April – bit-testijiet fil-pajjiż qed jiżdiedu, l-istess bħar-restrizzjonijiet ġodda għall-movimenti tan-nies.
Ir-Repubblika Ċeka, issa, għandha l-ogħla ammont ta’ infezzjonijiet ġodda għal kull 100,000 resident, fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Iċ-ċifra kienet ikkalkulata fuq 14-il jum, bir-Repubblika Ċeka, issa, tgħaddi lil Spanja fuq il-bażi tal-aħħar infezzjonijiet.
Il-każi tal-coronavirus anki laħqu għoli rekord fl-Olanda – bi kważi 5,000 infezzjoni jkunu konfermati f’24 siegħa. Pajjiżi Ewropej oħra, fosthom il-Polonja u l-Ukrajna, ukoll qed jirreġistraw infezzjonijiet rekord bil-coronavirus ma’ kull ġurnata.
Sadanittant, il-bars u l-kafeteriji kollha qegħdin jagħlqu għal xahar fi Brussell, fil-Belġju.
‘Il hinn mill-Ewropa, naraw li fil-Brażil, il-każi tal-coronavirus qabżu l-ħames miljuni – bl-imwiet irrelatati mal-Covid-19 fil-pajjiż javviċinaw il-150,000. Dan il-pajjiż Latin-Amerikan hu t-tielet l-agħar fid-dinja, f’termini ta’ infezzjonijiet, wara l-Istati Uniti u l-Indja.
Intant, hemm aħbar tajba minn New Zealand li, ghat-tieni darba, tinsab hielsa kompletament mill-virus tal-Covid-19. L-awtoritajiet fi New Zealand kienu ilhom minn Awwissu jissieltu kontra n-numri godda tal-Coronavirus u issa tnehhew l-aħħar restrizzjonijiet li kienu qed ikunu imposti fil-belt ta’ Auckland.
//= $special ?>