Il-FinCen Leaks jipprovdu stampa ċara ta’ kif l-organizzazzjonijiet kriminali qed iċaqalqu l-flus fil-banek tagħna. Dawn il-leaks jitfgħu dawl fuq il-vulnerabbiltajiet regolatorji u x’għandu jsir biex jiġu indirizzati.
Hekk qal l-MEP elett f’isem il-Partit Nazzjonalista David Casa, li hu wkoll ir-Rapporteur Permanenti tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus fi ħdan il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji.
Casa indirizza dibattitu fil-Parlament Ewropew fi Brussell dwar il-leaks tal-FinCen. Dan l-aħħar ħarġu fil-pubbliku 2,500 dokument li juru kif is-suspett ta’ ħasil tal-flus hu rrappurtat mill-banek lill-awtoritajiet superviżorji.
Casa kompla li dak li qed naraw hu l-prattika, li aktar ma jgħaddi żmien, dejjem qed tiżdied ta’ ċerti banek li jippreżentaw ammonti kbar ta’ rapporti ta’ transazzjonijiet suspettużi lill-FIUs. Dawn in-numri kbar għandhom impatt fuq il-kapaċità tal-awtoritajiet li jinvestigaw b’mod effettiv. Il-banek umbagħad ikomplu jippermettu każijiet ovvji ta’ tranżazzjonijiet li jibbenefikaw lill-organizzazzjonijiet kriminali biex imexxu f’xogħolhom.
Is-sistema hi difettuża u trid tiġi indirizzata. L-għan tagħna mhux li noħolqu spejjeż amministrattivi żejda u ċertament, mhux biex nagħmluha impossibbli li wieħed jopera negozju onest. L-għan tagħna hu li nidentifikaw kif il-kriminali jaħslu l-flus tagħhom, inwaqqfu dan kollu u nġibuhom quddiem il-ġustizzja, kompla l-MEP elett f’isem il-Partit Nazzjonalista.
David Casa tenna t-talba tiegħu għal Regolament Uniku tal-Unjoni Ewropea dwar l-AML, li tista’ wkoll tindirizza dawn il-prattiki. Qal li għandu jiġi propost Regolament AML ġdid kemm jista’ jkun malajr.
//= $special ?>