Lokali Parlament

Il-pieni f’każi ta’ atti terroristiċi fuq ajruplani ghandhom jiħraxu

  • Toni Bezzina PN

Waqt id-diskussjoni tal-abbozz tal-liġi li jemenda l-att dwar s-Sigurtà fl-Avjazzjoni Ċivili, id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Toni Bezzina qal li attakki terroristiċi fuq ajruplani huwa reat gravi ħafna li tul s-snin wassal għal diversi mwiet ta’ ħafna nies innoċenti, kemm persuni li jkunu fuq l-ajruplan innifsu kif wkoll f’ċertu każ persuni li jkunu għall-affari tagħhom fuq l-art.

Hu qal li każ tipiku huwa l-attakki terreristiċi tal-11ta’ Settembru 2011 fl-Istati Uniti, fejn mat-3,000 persuna tilfu ħajjithom fosthom 500 membru tal-ordni, b’ 25,000 isofru minn diversi grieħi u l-fuq minn €10 biljun f’ danni nfrastrutturali. Dan barra l-effett negattiv li dan l-attakk ħalla fuq l-ekonomija dinija.

Fid-diskors tieghħ hu qal wkoll li sfortunatament Malta wkoll kellha wkoll diversi każi ta’ attakki terroristiċi fuq diversi ajruplani tul s-snin, fosthom il-ħtif ta’ KLM Jumbo Jet fis-26 ta’ Novebru 1973 li fuqu kellu mal-260 passiġġieri u membri tal-ekwipaġġ, il-ħtif ta’ ajruplan Fokker fil-15 ta’ Ottubru 1975 tal-Libyan Arab Airlines b’ 44 passiġġier fuqu, il-ħtif ta’ B-727 tal-Libyan Arab Airlines b’ 161 passiġġier u membri tal-ekwipaġġ, fosthom air hostess Maltija, il-ħtif tal-Egypt Air Flight 648 fl-24 ta’ Novembru 1985 b’ 98 passiġġier fuqu u li spiċċa fi traġedja wara intervent minn commandos Egizjani fejn 68 persuna tilfu ħajjithom u l-ħtif tal-Afriqiyah Airways Flight 209 fit-23 ta’ Diċembru 2016 li fuqu kellu madwar 111 il-passiġġier.

Il-ħtif tal-Egypt Air Flight 648 fl-24 ta’ Novembru 1985 f’Malta

Għalekk din l-emenda, li se tibdel il-piena li tingħata mill-qrati għal dawn ir-reati minn għomor il-ħabs għal perjodi ta’ minn 12-il sena sa għomor il-ħabs għandha tittieħed bis-serjetà; dan biex il-poplu jserraħ rasu li kull min ikun b’ xi mod involut f’ dawn l-atti terroristiċi, kemm jekk fassal tali pjan, jekk iffinanzjah jew jekk wettqu, jiehu dak li ħaqqu. Anzi l-pieni għandhom tant ikunu ħarxa li jkunu ta’ deterrent għal min imqar jikkontempla li jwettaq dawn r-reati.

Toni Bezzina qal wkoll li għalkemm wieħed jista’ jargumenta li din l-emenda se ddaħħal aktar sens ta’ proporzjonalità u tagħti aktar diskrezzjoni lil ġudikanti meta l-qorti tiġi biex tagħti s-sentenza f’każi bħal dawn, wieħed irid iserraħ ras il-poplu li l-pieni applikabbbli għal dawn t-tip ta’ reati se jibqgħu ta’ deterrent għal min iwettaqhom.

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina staqsa lill-ministru responsabbli biex jagħti spjega kif bid-dħul ta’ din l-emenda, li se tara li l-pieni applikabbli għal dawn t-tip reati minn għomor il-ħabs tinbidel għal sentenza ta’ bejn 12-il sena u għomor il-ħabs se tkun qeda issaħħaħ aktar il-ġlieda kontra l-ħtief ta’ ajruplani. Dan biex iserraħ kemm ras il-poplu Malti u Għawdxi kif wkoll lil komunità internazzjonali li b’ din l-emenda pajjiżna se jkun qiegħed iħarrax aktar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u mhux idgħajjifha.