Lokali

“Irid ikun budget li jolqot lil kulħadd” – UĦM

Fiċ-ċentru tal-Budget għas-sena 2021 irid ikun il-poplu Malti u Għawdxi, dan il-Budget għandu jkun imfassal b’kuxjenza fejn jagħti l-importanza lil kull ħajja. Sostna dan il-Kap Ezekuttiv tal-UĦM – Voice of The Workers, Josef Vella, f’konferenza tal-aħbarijiet fejn preżenta 89 proposta bi tħejjija għal baġit li ser ikun ppreżentat mill-Gvern fid-19 ta’ Ottubru.

Vella saħaq li f’dan il-baġit, fl-isfond tiegħu hemm l-imxija tal-Covid-19, huwa essenzjali li jintlaħaq bilanċ bejn is-saħħa u r-rota ekonomika. Josef Vella spjega li l-UĦM qed tiproponi fost oħrajn li l-Gvern jintroduċi vouchers għal ħlas tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Josef Vella sostna li waqt din il-pandemija, bosta ċapċpu lill-frontliners …..iżda ċ-ċapċip mhux biżejjed u għaldaqstant appella sabiex jingħatalhom bonus bħala apprezzament. Proposta li kienet saret ukoll xhur ilu mill-PN.

Fil-proposti tal-UHM, ingħatat attenzjoni wkoll għat-tema tat-teleworking fejn ingħad li l-impjegati flimkien ma min iħaddem għandhom ikollhom kull għajnuna possibli.

Il-Kap Ezekuttiv tal-UĦM insista li għandu jingħata sick leave lill-ġenituri meta uliedhom ikunu ma jifilħux u ma jkollhomx ma min iħalluhom. Ġie propost ukoll li l-leave tal-maternità jiżdied għal 26 ġimgħa, b’4 ġimgħat jingħataw lill-missier.

L-UĦM proponiet ukoll li t-taxxa tal-part-timers li għandhom xogħol full-time tonqos għal 10%.

Mistoqsi minn Net News dwar dak li qal il-Ministru Edward Scicluna, fejn ftit tal-ġimgħat ilu ammetta li pensjoni waħda mhux biżżejjed biex tgħix komdu – Josef Vella saħaq li l-Gvern ma jridx jirrikonoxxi din il-problema biss imma jaġixxi fuqha; fosthom bl-introduzzjoni tat-tieni pilastru tal-pensjoni bil-għan li nieħdu ħsieb il-ġejjieni taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.

Il-UĦM qed tipproponi wkoll fost oħrajn, trasport pubbliku b’xejn għal min ikun ġej jew sejjer ix-xogħol…. kif ukoll proposti bil-għan li l-Għawdxin ikollhom xogħol ta’ kwalità aħjar.

L-union appellat sabiex isir studju bil-għan li janalizza l-impatt fuq pajjiżna li ħallew impjegati minn barra l-Unjoni Ewropea b’Josef Vella jaqbel mal-proposta tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech – dik li tiġi organizzata Konferenza Nazzjonali dwar l-Immigrazzjoni u l-Popolazzjoni.

.