Edukazzjoni Lokali

“L-għalliema u l-istudenti ħaqqhom aħjar” – PN

Il-mod li bih il-Gvern Laburista mexa fil-konfront tal-għalliema u l-istudenti tagħna juri kemm, f’sitwazzjonijiet diffiċli, lanqas kien kapaċi joħroġ bi pjan serju u komprensiv biex jissalvagwardja s-saħħa ta’ dawk kollha involuti u jserraħ ras il-ġenituri.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli u u l-President tas-Solidarjetà Ħaddiema (SĦPN) Ivan Castillo, il-Partit Nazzjonalista fakkar kif il-Ministru tal-Edukazzjoni ma ppreparax biżżejjed għal meta fetħu l-iskejjel wara kważi seba’ xhur magħluqin u l-istess unions tal-għalliema kkonfermaw kif il-Gvern ippretenda li jgħaddi romblu minn fuqhom u kulħadd kellu joqgħod għal dak li jiddetta hu.

Is-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista wkoll iddeplorat dan l-atteġjament ta’ Gvern dilettantesk f’sitwazzjonijiet serji bħal dawn. Mingħajr laqgħat jew djaogu ma’ dawk kollha involuti bħall-MUT u l-UPE, dan il-Gvern pretenda li jiftaħ l-iskejjel, bil-Ministru jgħid lill-għalliema u lill-ġenituri sabiex jagħmlu kuraġġ!.

Il-kuraġġ kienu jagħmluh biss kieku tħejja pjan serju għal dan il-mument ta’ sfida. Kienu jagħmlu kuraġġ u jserrħu moħħhom kieku minn xhur qabel tkellem u esplora ma’ dawk kollha involuti kif l-aħjar jaffaċċja din is-sitwazzjoni u mela jiġi ġimgħa qabel tiftaħ l-iskola u jgħidilna li ħadu l-qisien tal-klassijiet kollha matul is-sajf, temmet tgħid l-istqarrija.