Lokali

L-informazzjoni dwar kumpaniji li ġew maqtugħa mir-Reġistru tal-Kumpaniji għandha terġa’ tkun aċċessibbli online – il-PN

Il-Partit Nazzjonalista jqis id-deċiżjoni li l-informazzjoni dwar kumpaniji li ġew maqtugħa mir-reġistru tal-kumpaniji ma tibqax aċċessibbli online mill-Malta Business Registry bħala waħda li tmur kontra t-trasparenza u l-governanza tajba u tkompli tagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Fi stqarrija f’isem il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina, Mario de Marco, Claudio Grech u Kristy Debono, il-Partit Nazzjonalista qal li fiċ-ċirkostanzi li għaddej minnhom pajjiżna, huwa kruċjali l-awtoritajiet ta’ pajjiżna ma jieħdux deċiżjonijiet li jagħtu l-impressjoni li Malta saret ġurisdizzjoni sigrieta li tiġbed lejha negozji u persuni li għandhom x’jaħbu.

Filwaqt li huwa tajjeb li l-Malta Business Registry tnaddaf ir-reġistru tal-kumpanija minn dawk il-kumpaniji li m’għadhomx attivi, madankollu dan m’għandux isir b’detriment għall-obbligu tat-trasparenza u l-aċċessibilità tal-informazzjoni.

L-informazzjoni dwar kumpaniji li ġew maqtugħa mir-reġistru tal-kumpaniji fost oħrajn isservi sabiex tiġi żgurata t-trasparenza fit-twaqqif u l-amministrazzjoni ta’ kumpaniji kif ukoll tintuża biex entitajiet u persuni nvoluti fin-negozju u fl-infurzar tal-liġi jieħdu deċiżjonijiet b’mod infurmat. It-tneħħija ta’ din l-informazzjoni hija xkiel kbir għall-ġurnalisti li għandhom rwol importanti x’jaqdu fit-tfittxija tal-verità u l-kxif tal-abbużi.

Il-Partit Nazzjonalista qal li dan kollu jista’ jsir filwaqt li tiġi mħarsa informazzjoni ta’ natura personali u jiġi żgurat li r-reġistru tal-kumpaniji jibqa’ b’mod kontinwu jiġi mnaddaf minn kumpaniji li m’għadhomx attivi. F’dan ir-rigward pajjiżna għandu jħares lejn u jibni fuq prattiċi tajba fosthom dawk li qed jadotta r-reġistru tal-kumpaniji tar-Renju Unit (UK Companies House).

Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li jistenna li l-Ministru Silvio Schembri jagħti direttiva ċara lill-Malta Business Registry sabiex bħala Aġenzija tal-Gvern b’mod immedjat treġġa lura d-deċiżjoni li ħadet u tiżgura li l-informazzjoni kollha dwar kumpaniji li ġew maqtugħa mir-reġistru tal-kumpaniji terġa’ tkun aċċessibbli online fl-iqsar żmien possibbli.