Lokali

L-MDA tinsisti għal aktar fondi għal inizjattivi rinnovabbli

L-Assoċjazzjoni Żviluppaturi Maltin ħeġġet lill-Gvern sabiex jissokta fil-ħidma għal inizjattivi kemm preżenti kif ukoll futuri, flimkien ma’ skemi oħra, fis-settur tal-enerġija rinnovabbli. L-MDA saħqet li dan għandu jsir mhux biss għal użu residenzjali iżda ankè għal komunità kummerċjali.

Filwaqt li ntlaqgħet l-aħbar ta’ introduzzjoni ta’ skemi ġodda rigward dan is-settur bil-għan li jkollna ekonomija mingħajr karbonju sas-sena 2050 – l-MDA appellat li qed tistenna miżuri oħra flimkien ma’ aktar fondi għal inizjattivi għal dan il-għan.

Għaldaqstant, l-MDA ħeġġet lill-Gvern sabiex mingħajr aktar dewmien jiġu introdotti skemi permanenti sabiex tiġi assiguratà l-istabbilità u l-kontinwità.

Mario Cachia, mill-MDA sostna li hemm bżonn ta’ aktar fondi sabiex jissokta l-investiment għal proġetti b’rabta mal-enerġija rinnovabbli bil-għan li l-Gżejjer Maltin ikollhom żvilupp sostenibbli tanġibbli u jkun hawn aktar ħarsien ambjentali.

Intant, id-Direttur Ġenerali tal-MDA, Marthese Portelli, qalet li l-Assoċjazzjoni hija kommessa sabiex tissokta fi djalogu mal-awtoritajiet kompetenti u fil-jiem li ġejjin ser tkompli tipproponi aktar inizjattivi f’dan ir-rigward.