Lokali

Muscat jgħid li “qatt ma rajt korruzzjoni fil-Gvern Laburista”

Wara li ngħata t-titlu tal-aktar politiku korrott fid-dinja, l-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Joseph Muscat qed jghid li qatt ma ra fatti quddiem għajnejh li fil-Gvern immexxi minnu kien hemm korruzzjoni.

Meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet waqt programm fuq ix-Xandir tal-Istat, dwar jekk jarax li kien hemm korruzzjoni fil-Gvern Laburista, Muscat li mill-punti kollha li dejjem ra, qatt ma ra fatti dwar korruzzjoni.

Hu nsista li ma kienx jaf li Keith Schembri u Konrad Mizzi fetħu kumpaniji fil-Panama, minkejja li t-tnejn li huma kellhom uffiċċju qrib tiegħu stess f’Kastilja. Minflok, hu qal li sar jaf bil-kumpaniji sigrieti mill-mezzi tax-xandir.

Biex jipprova jnaddaf ismu, issa rrikonoxxa li kien hemm nies qrib tiegħu li rrovinawlu l-karriera politika, li qal li xtaq li kieku ntemmet b’mod aktar trankwill.

Fl-istess waqt, hu kkonferma li kien hemm chat bejn il-ħbieb, li fiha kien hemm hu, iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u Yorgen Fenech, li hu akkuzat b’komplicità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

U fid-dawl tal-ammont ta’ vittmi jiżdied ta’ kuljum, u l-każi attivi li jidhru qishom ma jridux jonqsu kawża tal-Covid-19, l-eks Mexxej Laburista qal li l-Gvern ta’ Robert Abela mexa tajjeb ħafna biex jiġġieled il-pandemija.

Dwar l-immigrazzjoni, qal li meta ddeċieda li jagħmel pushback, ipprova jbeżża’ lill-istituzzjonijiet Ewropej. Madankollu, kellu jagħmel u-turn minn din il-pożizzjoni għax ra li ma rnexxielux.

Min-naħa l-oħra, qal li kemm dam Prim Ministru kellu t-tentazzjoni – f’diversi drabi – li jiftaħ ċentri għall-immigranti irregolari f’Tas-Sliema u Ħ’Attard, fost l-oħrajn.

Mistoqsi dwar l-abort, l-eks Prim Ministru qal li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed isir jemmen li għandha tkun il-mara li tiddeċiedi u mhux it-tarbija. Tant li qal li, li kieku xi waħda minn uliedu tispiċċa f’din is-sitwazzjoni, hu jkun lest jgħinha biex toqtol lit-tarbija.

Dwar l-ekonomija, Muscat ħarab milli jwieġeb jekk kienx konsulent tas-suċċessur tiegħu meta ħabbar għajnuniet kontra l-isfidi tal-Coronavirus.

Hu kien mistoqsi wkoll dwar għadd ta’ u-turns li għamel matul il-karriera politika tiegħu, fosthom dwar ir-relazzjoni mal-Unjoni Ewropea, fejn meta mfakkar kif kien kontra s-Sħubija iżda xorta mar fil-Parlament Ewropew, wiegeb li mhux veru li ma kienx jaqbel mal-Unjoni Ewropea.