Futbol Sport

Rebħa faċli għat-tim nazzjonali Ingliż

F’partita ta’ ħbiberija li ntlagħbet f’Wembley Stadium it-tim nazzjonali Ingliż kiseb rebħa komda ta’ 3-0 fuq Wales f’partita li l-kowċ Ingliż uża bħala tħejjija għall-partiti li jmiss mill-UEFA Nations League.


It-tim nazzjonali Ingliż, fetaħ l-iskor wara 26 minuta permezz ta’ daqqa’ ta’ ras tad-debuttant DOMINIC CALVERT- LEWIN li kompla fuq il-forma li kellu sa issa dan l-istaġun ma’ Everton. Tmien minuti minn ftuħ it-tieni taqsima, CONNOR COADY ta’ Wolves irdoppja b’konklużjoni mill-viċin biex l-attakkant ta’ Southampton DANNY INGS għamilhom 3-0 b’konklużjoni fuq id-dawra.


F’partita oħra ta’ ħbiberija l-Belġju ġew miżmuma fi draw mill-Kosta tal-Ivorju, b’ MICHY BATSHUAYI jiftaħ l-iskor għall-Belġu fit-53 minuta filwaqt li l-plejer ta’ Milan FRANCK KESSIE ġab id-draw fis-87 minuta permezz ta’ penalty.


L-Iżvezja barra minn darhom għelbu lir-Russja 2-1 f’partita oħra ta’ ħbiberija bil-gowl tal-Iżvdiżi jaslu minn ALEXANDER ISAK wara 21 minuta u MATTIAS JOHANSSON fit-73 minuta. ALEKSANDR SOBOLEV naqqas id-distakk għar-Russja fid-90 minuta.


Ilbieraħ ukoll ntlagħbu s-semifinali tal-play-off tal-UEFA Nations League bir-rebbieħa tal-finali ta’ dawn il-play-off jikseb post awtomatiku fil-fażi finali tal-UEFA Euro 2020 li se jsiru s-sena d-dieħla wara li ġew posposti din is-sena minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Minn Sezzjoni A, l-Ungerija għelbu lil Bulgarija 3-1 bil-gowls jaslu minn ORBAN, KALMAR u NIKOLIC filwaqt li YOMOV naqqas id-distakk għall-Bulgarija fid-89 minuta. Fil-finali ta’ din is-sezzjoni, huma se jilgħabu kontra l-Iżlanda li f’darhom għelbu lir-Rumanija 2-1. L-eroj għall-Iżlanda kien SIGURDSSON li skorja doppjetta filwaqt li MAXIN fit-63 minuta għamilhom 2-1 minn penalty.
F’Sezzjoni B, iż-żewġ partiti marru għall-ħin barrani u anke għall-penalties wara li sal-120 minuta ntemmu fi draw. L-Irlanda ta’ Fuq għelbu lill-Bosnija 4-3 bil-penalites wara li sal-120 minuta l-partita ntemmet 1-1. Il-gowls għall-Bosnija waslu permezz ta’ KRUNIC wara 13-il minuta filwaqt li MCGINN ġab id-draw għall-Irlanda ta’ Fuq fit-53 minuta. Fil-partita l-oħra s-Slovakkja kwalifikaw għall-finali wara li għelbu lill-Irlanda 4-2 bil-penalties wara li din il-partita ukoll baqgħet fi draw ta’ mingħajr gowls wara l-ħin barrani.


L-istess bħal Sezzjoni B, f’Sezzjoni Ċ, iż-żewġ partiti kellhom imorru għall-ħin barrani. Is-Serbja kisbu post fil-finali wara li għelbu lin-Norveġja 2-1. MILINKOVIC-SAVIC skorja doppjetta għas-Serbja filwaqt li NORMANN ġab l-iskor ndaqs momentarjament fit-88 minuta. L-Iskozja kwalifikaw għall-finali wara li għelbu lill-Iżrael 5-3 bil-penalties wara li sal-120 minuta l-partita baqgħet fi draw ta’ 0-0.


Minn Sezzjoni D, il-Ġorġja kisbu post fil-finali waral i għelbu lill-Belarus 1-0 bil-gowl deċiżiv jasal wara seba’ minuta permezz ta’ penalty ta’ OKRIASHVILI. Huma se jilgħabu kontra l-Maċedonja wara li għelbu lil Kosovo 2-1. KOLOLLO tefa’ lil Maċedonja fil-vantaġġ permezz ta’ auto-goal filwaqt li HADERGJONAJ ġab id-draw għal Kosovo. Il-gowl tar-rebħa wasal fit-33 minuta permezz ta’ VELKOVSKI.

UEFA NATIONS LEAGUE
Illejla:
Bulgarija v Ungerija 1-3, Iżlanda v Rumanija 2-1, Bosnija v Irlanda ta’ Fuq 1-1(3-4pen), Slovakkja v Irlanda 0-0(4-2pen), Norveġja v Serbja 1-2 (et), Skozja v Iżrael 0-0(5-3pen), Ġorġja v Belarus 1-0, Maċedonja v Kosovo 2-1 PARTITI TA’ ĦBIBERIJA: Illejla: Russja v Żvezja 2-1, Belġju v Kosta tal-Ivorju 1-1, Ingilterra v Wales 3-0