Sport Waterpolo

San Ġiljan viċin aktar minn qatt qabel li jirbħu l-kampjonat b’wirja dominanti

Stewart Said

SAN ĠILJAN TUM INVEST……. 11

NEPTUNES………………………………. 5

(2-2), (4-1), (4-1), (1-1)

Eċċezzjonali. Din hi l-kelma li tiġi f’moħħi meta niddeskrivi l-kampjonat li kellhom sa issa San Ġiljan TUM Invest miżjuda bil-prestazzjoni fl-ewwel finali tal-play-off. B’din ir-rebħa jibdew favoriti netti li jassiguraw l-ewwel kampjonat mill-2017.

Neptunes li kellhom lil Nikolai Zammit nieqes wara diżgwid mal-klabb kawża tal-episodju b’rabta mal-każ pożittiv tal-Covid-19 fil-klabb, dehru frammentati fil-logħob tagħhom u ma kellhomx kwalità biżżejjed biex iwieġbu għall-gowls tal-avversarji.

Neptunes wieġbu darbtejn fl-ewwel sessjoni permezz ta’ Gabriel Pace wara li Matthew Zammit u Andreas Galea kienu taw il-vantaġġ lil San Ġiljan f’żewġ okkażjonijiet.

San Ġiljan kisbu vantaġġ importanti fil-bidu tat-tieni sessjoni, liema distakk Neptunes qatt ma rkuprawh. Ħarba ta’ Dino Zammit, penalty ta’ Andreas Galea u man-up skorjat ukoll minn Dino Zammit, taw vantaġġ ta’ 5-2 lill-Ġiljaniżi fl-ewwel tliet minuti tas-sessjoni.

Penalty ta’ Stevie Camilleri naqqas id-distakk b’żewġ minuti għat-tmiem tas-sessjoni, iżda d-distakk reġa’ kiber għal tliet gowls meta b’intelliġenza Ben Plumpton seraq il-ballun mingħand Sam Gialanze u qassam lil Matthew Zammit li waħdu quddiem Alan Borg Cole ma żbaljax.

It-tim ta’ Dorian Pisani aċċerta r-rebħa fil-bidu tat-tielet sessjoni b’lob mill-isbaħ ta’ Paul Fava, xutt b’saħħtu ta’ Matthew Zammit u doppjetta ta’ Plumpton, b’Jeremy Abela jiskorja l-gowl ta’ konsolazzjoni għal Neptunes.

L-aħħar sessjoni kienet bla storja, b’San Ġiljan jikkontrollaw il-logħba filwaqt li Neptunes pruvaw inaqqsu d-distakk fir-riżultat finali, xi ħaġa li ma rnexxielhomx. Huma jittamaw li jqumu għall-okkażjoni s-Sibt biex jisfurzaw it-tielet logħba tal-play-off.

San Ġiljan: J. Tanti, K. Tanti, A. Galea (2), D. Ciantar, M. Mannino, M. Zammit (3), B. Plumpton (2), J. Bonavia, Z. Micallef, Da. Zammit, P. Fava (1), Di. Zammit (3), G. Vassallo, M. Ortoleva

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat, L. Calleja, G. Pace (2), S. Busuttil, J. Spiteri Staines, S. Camilleri (2), J. Camilleri, J. Abela (1), S. Stellini, S. Gialanze, B. Busuttil, M. Castillo, M. Farrugia

Referees: Massimo Angileri, Alex de Raffaele