Internazzjonali

Stati Uniti: Eks-Britanniċi, membri tal-ISIS, ipproċessati dwar qtil ta’ ostaġġi

Żewġ eks-ċittadini Britanniċi – allegati bħala membri tal-grupp terroristiku ISIS – qed ikunu proċessati minn qorti tal-Istati Uniti fejn iridu iwieġbu akkużi dwar il-qtil ta’ erba’ ostaġġi Amerikani.

Alexanda Kotey u El Shafee Elsheikh huma fost oħrajn akkużati bi sħubija fi grupp partikulari tal-ISIS imlaqqam ‘The Beatles’ ( il-grupp tal-mużika popolari tas-snin sittin) minħabba l-aċċenti Britanniċi tal-ġiħadisti involuti. L-istess grupp, fost oħrajn, kien involut fi ħtif ta’ diversi persuni fl-Iraq u fis-Sirja.

Iż-żewġ imputati dehru waqt video-link mill-ħabs waqt li kien għaddej smigħ fil-qorti federali ta’ Alexandria, fl-Istat ta’ Virginia.

Qabel il-proċess, Kotey u Elsheikh kienu ċaħdu għall-akkużi miġjuba kontrihom. Intant ma kienx eskluż li l-proċess jispiċċa pospost għal żmien biex l-avukat li qed jirrappreżenta lill-imputati jispjegalhom id-dettalji tal-akkużi.

L-akkużi qed jibbażaw fuq il-qtil tal-erba’ Amerikani – James Foley, Steven Sotloff, Kayla Mueller u Peter Kassig – taħt idejn it-terroristi tal-ISIS.

L-imputati, ‘il quddiem, iridu jitressqu quddiem il-qorti fl-Istati Uniti u jwieġbu għall-akkużi, bil-possibbiltà li huma jeħlu l-ħabs għal għomorhom.

It-terroristi li kienu jiffurmaw parti mill-entità imlaqqma ‘Beatles’ kienu responsabbli għall-qtil brutali tal-ostaġġi li seħħ fl-2014 fl-Iraq u fis-Sirja. Il-kap tal-grupp – Mohammed Emwazi, magħruf bħala ‘Jihadi John’ – kien inqatel waqt attakk minn drone, fl-2016.

Alexanda Kotey u El Shafee Elsheikh ġejjin, oriġinarjament, mill-Punent ta’ Londra u huma, illum, tilfu ċ-ċittadinanza Britannika.

Intant, hemm it-tamiet li l-proċess tal-qorti ‘jimplika wkoll lil terroristi oħra’ minbarra li jwassal għal aktar arresti.