Lokali Qorti

12-il sena ħabs wara li stupra darbtejn tifla ta’ tmien snin wara li kien iwassalha d-dar mill-iskola

James Grech ta’ 38 sena minn  Ħal Qormi ġie kundannat 12-il sena ħabs wara li stupra darbtejn tifla ta’ tmien snin wara li kien iwassalha d-dar mill-iskola li hija kienet tattendi fil-Gżira.

Minflok kien iwassalha d-dar mill-ewwel, Grech li xogħolu kien li bil-Mini-Bus iwassal it-tfal tal-iskola, għal diversi drabi kien l-ewwel jieħu lit-tfal l-oħra d-dar, imbagħad kien jieħu lill-vittma f’għalqa u jikkorrompiha u sa anke wasal biex kellu x’jaqsam magħha.

B’kollox huwa ħa lit-tifla f’għalqa seba’ darbiet u kien abbuża minnha kull darba. Kien iġiegħla tagħmel atti sesswali miegħu u jgħidilha x’għandha tagħmel, u spiċċa stupra biex għaddilha l-fjur ta’ żogħżitha minn trawma li baqgħet sejra biha sakemm kibret.

Huwa kien jgħidilha li jekk kienet se tgħid lill-ġenituri tagħha kien se jweġġa’ lil oħtha. It-tifla kienet tkun imbeżża’ ħafna b’dak li kien iġiegħlha tagħmel it-tifla u spiċċat anke mentalment ħażin meta bdiet toħroġ mal-għarus tagħha meta kellha 16-il sena, fejn spiċċat ukoll taħt il-kura ta’ psikjatra.

Dawn ir-reati seħħew f’Ġunju tal-2006 u fix-xhur ta’ qabel bit-tifla, llum għandha 22 sena. Ix-xufier kien jgħidlha x’għandha tgħid lil ommha meta tmur id-dar peress li kien iwassalha tard id-dar. Dan wara li kien jabbuża minnha.

L-istupru vjolenti fuq it-tifla kien sar magħruf meta fit-3 ta’ Frar tal-2015 l-Ispettur Syvana Briffa kienet infurmata mill-Psikjatra Joe Cassar li l-vittma xtaqet tkellem lill-Pulizija tal-Vice Squad dwar stupru li kien seħħ fuqha meta kien għad kellha biss tmien snin.

Fl-2006 kien diġa’ sar rapport li James Grech kien qed jaqbad magħha u jmissilha sidirha. Madankollu ma kienx hemm provi biżżejjed biex jinbdew proċeduri kriminali.

Fl-2014 it-tifla, li issa kienet saret tfajla bdiet tmur għat-terapija għand il-Psikjatra Joe Cassar fejn irriżultaw ċirkostanzi trawmatiċi li kienet ilha għaddejja minnhom. Bdew jaqbduha Pseudo Seizures u dan meta kellha 16-il sena u kellha l-ewwel reazzjoni mal-boyfriend tagħha.

F’Mejju ta’ erba’ snin ilu hija xehedet fil-Qorti u qalet li hija kienet tattendi l-iskola St.Monica, l-Gżira u damet tattendi din l-iskola minn età ta’ bejn il-ħamsa u 16-il sena.

Ix-xufier tal-Mini-Bus kien beda jwassal lilha u studenti oħra meta kienet Year 4. Normalment kienet titwassal id-dar il-ħames waħda imma kien hemm drabi fejn kienet titwassal l-aħħar waħda.

Fil-bidu hija kienet toqgħod bilqiegħda quddiem fejn ix-xufier fejn dan kien joqgħod immissilha saqajha. Darba minnhom bil-ħasda kienet dawwritlu l-isteering.

Wara li seħħ dan l-inċident hija bdiet toqgħod fuq wara tal-vann. Darba minnhom ix-xufier iddeċieda li jwassal lit-tifla l-aħħar waħda, iżda minflok wassalha d-dar ħadha f’għalqa, mar fuq wara tal-vann u beda jmissha.

Hawn kien heddida li jekk tiftaħ ħalqha mal-ġenituri kien se jweġġa’ lil oħtha. Il-vittma qalet li l-għada għamel l-istess u reġa’ ħadha l-għalqa. Hawn huwa ppretenda aktar minnha u sa spiċċa neħħa ħwejjġu kollha u ġiegħla tagħmel atti moqżieża miegħu.

It-tielet darba li ħadha, kienet il-ġurnata tat-Tnejn, u hawn hi bdiet tibki. Hawn ix-xufier dawwar xugaman magħha u beda ibenninha u ħadha d-dar. Ir-raba’ darba li reġa’ ħadha fl-għalqa reġgħet bkiet, imma din id-darba huwa rrabja ħafna, tant li waddabha man-naħa l-oħra tal-vann, tant li ħarġilha d-demm minn ħalqha u mnieħirha.

Grech wara naddfilha d-demm bil-qmis tiegħu, u qalilha biex tgħid lil ommha li kienet weġġgħet fil-playground u ħadha d-dar. Il-ħames darba li ħadha sar is-sess u kif waslet id-dar ħadet ‘shower’.

L-għada huwa kien vjolenti u anke ta fuq l-istonku tagħha b’siequ u reġa’ ġiegħlha jkollha x’taqsam miegħu.  Is-seba’ darba l-affarijiet irrepetew ruħhom.

F’dawk iż-żmijiet fi Frar tal-2006, hija ddeċidiet li tgħid soru mill-iskola tagħha li kienet rat lil Grech imelles xagħar tifla oħra u li kien ukoll qed imiss xi partijiet privati tagħha.

Madankollu ma’ qaltilix bl-istorja kollha għax ħasbet li b’dak li qalet ix-xufier ma kienx se jibqa’ jwassalha l-iskola, kif effettivament seħħ.

Xehedet ukoll omm it-tifa li qalet li kienet iffaċċat darba lix-xufier u qaltlu biex lil bintha ma jixtirlix aktar ħelu. Ikkonfermat li bintha darba marret id-dar b’xoffitha maqsuma, bit-tifla tgħidilha li kienet qalgħet daqqa ta;’ minkeb mingħand tifla oħra.

Qalet ukoll li darba bintha waslet tard mill-iskola u qaltilha li dan seħħ għax twasslet l-aħħar waħda. L-omm qalet ukoll li dak inhar it-tifla marret tinħasel u ma riditx tiekol. Dik il-ġimgħa kienet ċemplitilha s-soru u qaltilha li t-tifla ma kinitx aktar se tuża’ t-trasport tal-iskola minħabba l-allegazzjonijiet li kienu saru.

Missier it-tifla qal fil-Qorti li meta bintu kienet tara l-vann kienet titwerwer. Qal ukoll li sussegwentement kien qara d-djarju ta’ bintu flimkien ma’ martu u skopra minn xhiex kienet għaddiet bintu.

Xehdet ukol, tifla oħra li kienet tirkeb il-vann mal-vittma u qalet li x-xufier  kellu kunfidenza żejda ma’ tfal oħra, anke magħha fejn kien joqgħod jaqbdilha saqajha meta kienet tpoġġi warajh u b’hekk kellha tbiddel is-seat. Qalet ukoll li darba kien ħadilha ż-żarbuna. Hija qalet ukoll li kienet rat lill-vittma taqbad l-isteering tal-vann ta’ Grech

Fil-Qorti nqraw ukoll siltiet mid-djarju tat-tifla vittma. Xhieda tas-sid tal-kumpanija li magħha kien jaħdem il-ħati qal li qatt ma kellu rapporti fil-konfront tax-xufier, iżda qal li meta sar rapport fl-2006 fuqu, huwa twaqqaf  minn xogħolu għal 15-il ġurnata.

Ir-rotta li Grech kien jaħdem fuqha kienet Gżira, Għargħur, Naxxar u Mosta. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Paula Ciantar filwaqt li għall-ħati deheru l-Avukati Jason Grima u Noel Bianco. L-Avukat Joe Giglio deher bħala parti ċivili għan-naħa tal-vittma.