Il-Gvern ta’ Spanja ma tilifx iż-żmien biex joħroġ direttivi għall-impożizzjoni ta’ stat ta’ emerġenza għal Madrid u li għandu jkun effettiv għal ħmistax-il ġurnata.
Dan qed isir bil-għan li jinżlu r-rati tal-infezzjonijiet bil-Covid-19 fil-kapitali Spanjola – u wara li qorti, jiem qabel, kienet annullat direttiva (tal-Gvern) għal lockdown parzjali.
Fil-fatt, il-belt ta’ Madrid ilha żmien fiċ-ċentru ta’ tilwima politika, meta l-awtoritajiet taċ-ċentru-lemin fil-kapitali qegħdin jisfidaw id-domandi tal-Gvern Soċjalista mmexxi mill-Prim Ministru Pedro Sanchez.
L-uffiċjali tal-belt ta’ Madrid, fl-istess ħin, qegħdin jgħidu li l-każi tal-Covid-19 naqsu fil-kapitali u li l-istat ta’ emerġenza mhux iġġustifikat fiċ-ċirkustanzi.
Il-Ministru tas-Saħħa Spanjol, Enrique Ruiz Escudero, insista li ‘qegħdin jaħdmu’ il-miżuri għall-emerġenza li kienu implimentati diġà, fid-dawl tal-kriżi għas-saħħa. Intant, Escudero ammetta li d-direttiva għall-istat ta’ emerġenza min-naħa tal-Gvern Spanjol ‘hi miżura li l-ebda resident ta’ Madrid mhu se jifhima.’
Fil-preżent, kwalunkwe moviment mhux essenzjali – lejn u ‘il hinn minn Madrid – mhux qed ikun permess minħabba s-sitwazzjoni prekarja.
Din il-miżura qed tapplika wkoll għal disa’ bliet oħra fi Spanja u minkejja l-oppożizzjoni tal-awtoritajiet lokali.
U issa – ladarba l-Gvern irnexxielu jaqleb il-verdett tal-qorti oriġinali ( permezz tal-isfida speċifika) – il-Prim Ministru Sanchez iddeċieda li jimponi malajr kemm jista’ ikun l-istat ta’ emerġenza qabel dan il-‘long weekend’ – bl-Ispanjoli qegħdin iħejju biex jiċċelebraw il-jum nazzjonali tagħhom, nhar it-Tnejn.
//= $special ?>