“Qatt ma kien hemm Gvern li niżżel il-ħarsien tal-ambjent naturali f’livelli baxxi ħafna”
Dan qalu l-Kap Eżekuttiv ta’ Birdlife Malta, Mark Sultana, meta l-Ġimgħa bagħat messaġġ lill-Prim Ministru dwar l-għoti tal-imsaġar tal-Miżieb u l-Aħrax tal-Mellieħa mill-Gvern, b’Robert Abela qed jigi akkużat li qed jixpruna politika żbaljata u antikwata dwar l-ambjent.
Mistoqsi dwar il-kumment tal-Ministru Ian Borg li mhu se jinbidel xejn bl-iffirmar tal-ftehim tal-Ħadd, Mark Sultana saħaq li l-Ministru qed jigdeb:
“Mhux vera li mhux se jinbidel xejn. Fejn qabel in-nies setgħu jidħlu fil-Miżieb, minn meta jiġi ffirmat il-ftehim il-Ħadd, in-nies ma jistgħux jidħlu aktar fil-Miżieb.”
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ġimgħa, Sultana saħaq li l-infurzar tal-liġi waqa’ lura, bil-Pulizija u l-Forzi tal-Ordni mhux kapaċi jwaqqfu l-qtil tal-għasafar protetti u f’periklu t’estinzjoni, tant li l-Ħamis il-Birdlife kienet mgħarrfa minn xi turisti Taljani li Ajkla Bajda ntlaqtet serjament fil-limiti bejn ix-Xagħra u Marsalforn, filwaqt li nqatlu 11-il tajra ohra.
“Dalgħodu ċemplulna li kien hemm waħda qegħda għand xi turisti u tlajna malajr Għawdex biex niġbruha. Ġibnieha hawnhekk biex intuha hydriation malajr u bagħtnieha għand il-veterinarju. Hija sfortunata li għasfur protett bħal dan inqatel f’Għawdex.”
Birdlife saħansitra akkużat lil Robert Abela li qed jikser sfaċċatament id-direttivi Ewropej.
Intqal ukoll li t-Taqsima Regolatorja tal-Għasafar Selvaġġi, kompliet il-Birdlife, hija kompliċi f’dan l-isfreġju ambjentali għaliex hija kkordinata mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.
Intant, Birdlife Malta inkoraġixxiet lill-poplu Malti u Għawdxi jingħaqad magħha bil-preżenza tiegħu fil-masġar tal-Miżieb il-Ħadd li ġej fl-4 ta’ waranofsinhar biex juru l-għadab tagħhom mal-Gvern għal dan il-ftehim antikwat.
//= $special ?>