Lokali

“Il-Gvern adotta tibdil fil-liġi b’għaġġla u mingħajr djalogu” – Repubblika

Fl-ewwel reazzjoni tagħhom għall-pubblikazzjoni tar-rapport mill-Kummisjoni Venezja, l-għaqda Repubblika saħqet li hu ċar mir-rapport tal-Kummissjoni li l-gvern adotta tibdil fil-liġi b’għaġġla u mingħajr djalogu mas-soċjetà ċivili u mal-istampa ħielsa f’Malta. Din kienet xi ħaġa li Repubblika insistiet ħafna fuqha iżda l-Gvern injoraha.

Repubblika tħgid li “issa l-Gvern qed jintalab mill-Kummissjoni Venezja biex jerġa’ jibdel dawn il-liġijiet il-ġodda biex jikkoreġi l-“iżbalji” li għamel.”

Il-Kummissjoni Venezja avżat lill-Gvern li dan it-tip ta’ tibdil fil-liġi u fil-kostituzzjoni mhux aċċettabli li jsir mingħajr konsultazzjoni wiesgħa. Il-Kummissjoni offriet li tgħin lill-gvern jistabilixxi proċedura ġusta għall-Konvenzjoni Kostituzzjonali biex is-soċjetà ċivili tkun inkluża b’mod ġenwin.

Repubblika saħqu li l-Gvern għandu minnufih jiftaħ djalogu sinċier mas-soċjetà ċivili, mgħejjun mill-Kummissjoni Venezja, “biex ma nerġgħux naħlu sentejn oħra f’riformi żopop u li jipperikolaw id-demokrazija u s-saltna tad-dritt f’pajjiżna.”

L-għaqda saħqet li l-impenn tagħha li tipparteċipa b’mod kostruttiv u determinat fi sforz ġenwin biex Malta twettaq ir-riformi demokratiċi li tant għandha bżonn se jkompli. “Fl-istess waqt nissieħbu fid-diżappunt kbir li esprimiet il-Kummissjoni Venezja fl-imġieba tal-Gvern Malti s’issa waqt li ma nitilfux it-tama li din it-twiddiba ma tmur bħall-oħrajn ta’ qabilha, u l-gvern jibda juri impenn sinċier biex Malta ma tibqax maħkuma mill-kriminali u l-korrotti.”