Budget 2021 Ekonomija Lokali

Il-PN jniedi d-Dokument ta’ Qabel il-Baġit: Nistgħu nibnu ekonomija li taħdem għan-nies

Viżjoni iffukata fuq in-nies, il-ħaddiema, l-anzjani u l-familji

Bħala l-arkitett ewlieni tal-ekonomija moderna ta’ Malta f’waħda diversifikata u bbażata fuq is-servizzi, l-Partit Nazzjonalista huwa determinat li jikkontribwixxi b’mod kostruttiv għad-dibattitu nazzjonali billi joffri viżjoni ekonomika fejn in-nies ikunu fiċ-ċentru, b’ekonomija reżiljenti u li tkun ippreparata għall-futur. Il-Kap tal-PN Bernard Grech qal dan waqt li nieda d-Dokument ta’ Qabel il-Baġit 2021 tal-Partit Nazzjonalista.

Fid-dawl tax-xenarju lokali u internazzjonali attwali, l-Partit Nazzjonalista qed jadotta strateġija bbażata fuq żewġ prinċipji: bi proposti li jappoġġjaw l-ekonomija, n-negozji u l-familji matul dawn iż-żminijiet ta’ sfida, iżda li jħares ukoll lil hinn mill-kriżi preżenti.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, qabel mad-Dokument ġie ppreżentat lill-Korpi Kostitwiti, l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Bernard Grech qal li dan id-dokument huwa espressjoni tanġibbli li bħala Partit Nazzjonalista t-twemmin tagħna mhux li n-nies jaħdmu għall-ekonomija imma li bil-kontra fejn nibnu ekonomija li tkun hemm u taħdem għan-nies. Huwa żied li l-baġit ta’ din is-sena mhux wieħed normali, u dan mhux biss minħabba s-sitwazzjoni attwali madwar id-dinja; anzi hija wkoll opportunità ċċellenti sabiex nirriflettu u naħsbu mill-ġdid il-mudell ekonomiku attwali tagħna, li llum jinsab taħt theddida minħabba l-ħsara kbira lir-reputazzjoni kkawżata mill-Gvern Laburista. “Wasal iż-żmien li nibdew nibnu l-ekonomija ta’ għada, illum”, qal Bernard Grech.

Il-Kelliem tal-PN għall-Finanzi Mario De Marco qal li l-prijoritajiet immedjati kienu li jiġu sostnuti u salvati l-impjiegi u d-dħul tan-nies, billi tibqa’ sostnuta d-domanda fl-ekonomija tagħna, filwaqt li tingħata l-appoġġ kollu lin-negozji tagħna matul dan iż-żmien u fit-tibdiliet meħtieġa. Għalhekk, id-Dokument ta’ Qabel il-Baġit iressaq miżuri konkreti biex il-ħaddiema jkollhom l-ħiliet meħtieġa biex jiżguraw l-inklussività tagħhom fl-ekonomija ta’ għada.

F’dan id-Dokument, il-PN jippreżenta qafas għal long-run masterplan għall-ekonomija ta’ pajjiżna bbażat fuq ħames pilastri: d-diversifikazzjoni u t-trasformazzjoni; d-diġitalizzazzjoni; l-iżvilupp fl-edukazzjoni u t-talent; tiġdid ekoloġiku u tmexxija bħala governanza. Fix-xhur li ġejjin, il-PN se jkun qed jespandi ħafna iktar fuq dawn il-pilastri hekk kif irridu nibdew inħaddnu l-futur mil-lum. Id-Dokument ta’ Qabel il-Baġit fih aktar minn mitt proposta konkreta li huma maqsuma f’sitt kategoriji: l-appoġġ għall-irkupru ekonomiku; investiment f’setturi ewlenin bħat-turiżmu, il-manifattura, is-servizzi finanzjarji, il-kostruzzjoni, l-agrikoltura, l-ekonomija kreattiva u l-kultura, il-midja u l-ġurnaliżmu; Inħaddnu l-futur tal-ekonomija; eko-ekonomija; impjieg ta’ kwalità; u l-ekonomija inklussiva.

Il-proposti tfasslu wara proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders, il-Korpi Kostitwiti u l-istrutturi interni tal-partit.

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Viċi tal-PN għall-Affarijiet Parlamentari David Agius, il-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Partit Robert Arrigo, l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija Claudio Grech, l-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Investiment Ekonomiku u Negozji Żgħar, s-Servizzi Finanzjarji u l-Aċċessibbiltà għall-Fondi u Budget Ewropej Kristy Debono u l-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, l-Kultura u l-Midja Therese Comodini Cachia.