Internazzjonali

Il-Programm Dinji tal-Ikel tan-NU rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi

Il-Premju Nobel għall-Paċi tal-2020 ingħata lill-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) tan-Nazzjonijiet Uniti b’rikonoxximent tal-isforzi lejn l-eliminazzjoni tal-ġuh madwar id-dinja. Il-premju hu ekwivalenti għal 10 miljun krona Żvediżi – ekwivalenti għal madwar 890,000 ewro.

Il-Kumitat Norveġiż tan-Nobel qal li l-WFP – il-101 rebbieħ tal-premju — aġixxa bħala ‘xprun effettiv’ fl-isforzi biex il-ġuh ma jintużax bħala ‘arma għall-gwerer u l-konflitti’.

Kelliema għall-WFP intant qalu li jħossuhom umli ħafna bir-rikonoxximent tal-ħidma tal-istaff tagħhom li qed jissugraw ħajjithom kuljum biex iwasslu l-ikel u l-assistenza lil aktar minn 100 miljun tfal, nisa u irġiel bil-ġuh madwar id-dinja.

Din is-sena madwar 211-il individwu u 107 organizzazzjonijiet kienu nominati għall-Premju, taħt ir-regoli tal-Fondazzjoni Nobel.

Intant, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u Greta Thunberg, l-attivista Żvediża favur l-inizjattivi li jħarsu l-klima, kienu fost il-favoriti li jirbħu n-Nobel għall-Paċi tal-2020.

Berit Reiss-Andersen, iċ-Chairwoman tal-Kumitat Nobel, qalet li l-Kumitat, bl-għażla tiegħu, xtaq li ‘idawwar għajnejn id-dinja lejn il-miljuni tan-nies li qed isofru mill-ġuh inkella li qegħdin ibatu l-effetti tiegħu’.

‘Il-World Food Programme għandu rwol ewlieni fil-kooperazzjoni multilaterali biex is-sigurtà tal-ikel isservi bħala strument għall-paċi’, qalet Reiss-Andersen waqt li kienet qed tindirizza konferenza tal-aħbarijiet f’Oslo.

Il-Kumitat Nobel żied li l-Covid-19 kompla jixpruna l-importanza tal-grupp WFP u – permezz ta’ stqarrija – sostna li ‘il-pandemija tal-coronavirus ikkontribwixxa għal żieda straordinarja ta’ vittmi tal-ġuh madwar id-dinja’.

Intant, l-istqarrija kompliet li ‘fid-dawl tal-pandemija, il-WFP wera kapaċità impressjonanti biex jintensifika l-isforzi tiegħu fid-dawl tal-kriżi li qed tiffaċċja d-dinja bħalissa’.