Lokali Qorti

“Konferma li l-Gvern għamel ħsara kbira lis-saltna tad-dritt u kisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna” – PN

Il-Partit Nazzjonalista jinnota li r-rapport tal-Kummissjoni Venezja għal darb’oħra kkonferma li, kif ilha tgħid l-Oppożizzjoni, l-Gvern Laburista għamel ħsara kbira lis-saltna tad-dritt f’pajjiżna u kisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Dan ħareġ fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista ffirmata mill-kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba, Karol Aquilina, għar-Riforma Kostituzzjonali, Chris Said, u għall-Ġustizzja, Jason Azzopardi.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Gvern Laburista m’għandux jibqa’ jitnikker biex iwettaq il-bidliet meħtieġa fil-liġijiet u l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. B’hekk tibda tissewwa l-ħsara kważi irreparabbli li saret lir-reptuzzjoni ta’ pajjiżna f’dawn l-aħħar 7 snin.

“F’dan il-proċess huwa kruċjali li l-Gvern Laburista jikkonsulta u jiddjaloga bl-aktar mod wiesa’ u effettiv, mhux biss mal-Oppożizzjoni, iżda wkoll mas-soċjetà ċivili, li lkoll ressqu għadd kbir ta’ proposti validi. Huwa ta’ għajb għall-Gvern Laburista li jirrifjuta li jisma’ u jibqa’ jinsisti bil-pożizzjoni tiegħu dwar numru ta’ bidliet li l-Kummissjoni Venezja u l-Oppożizzjoni ilhom jinsistu dwarhom.”

L-Oppożizzjoni se tibqa’ disposta li tagħti s-sehem sħiħ tagħha fil-Parlament u barra l-Parlament biex f’pajjiżna terġa’ tibda tirrenja s-saltna tad-dritt, minflok dik tad-delinkwenti. B’hekk pajjiżna jikseb mill-ġdid ir-rispett u l-fama tajba li konna magħrufin għaliha bħala poplu Malti u Għawdxi, temmet tgħid l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.