Futbol Sport

Mill-lejla fid-9:15pm fuq Net Television u netondemand.mt | Jirritorna Replay Preview

Mill-llejla, il-Ġimgħa fid-9:15pm fuq Net Television u netondemand.mt, jirritorna ‘Replay Preview’, l-uniku programm televiżiv sportiv li hu mfassal bħala ‘preview show’ għall-partiti ta’ tmiem il-ġimgħa mill-futbol Malti u internazzjonali. Din se tkun is-sitt sena ta’ dan il-programm, u li matulhom kiseb popolaritá kbira għaliex il-producers ta’ din il-produzzjoni, Christian Micallef u Stephen Chircop, għarfu joħolqu format u riċetta ta’ programm li hu għal kollox differenti minn dak li jixxandar il-Ħadd filgħaxija u fuq Net Television, Replay.

‘Replay Preview’ jiddiskuti l-partiti mill-Kampjonat Premier, qabel ma jkunu se jintlagħbu, u jwassal servizzi li juru l-preparazzjoni li tkun saret matul il-ġimgħa mill-klabbs qabel il-partiti li jkunu se jilgħabu, speċjalment il-konfront l-aktar jaħarqu. Iżda aktar minn hekk, ‘Replay Preview’ hu abbinat ukoll ma’ servizzi popolari li llhom jsiru f’Replay, u li jirrakontaw il-futbol Malti fil-passat. Dawn huma ir-rubriki ‘Eku tal-Passat’ u ‘X’Sar Minnhom?’, li t-tnejn li huma qed jerġgħu ssibu posthom f’din l-iskeda ta’ Replay Preview fuq Net Television.

Minn din l-iskeda iżda, il-programm se jkun qed jixxandar minn studio apposta li hu armat f’Il-Veduta Restorant tas-Saqqaja, liema restorant hu wieħed mill-isponsors il-ġodda ta’ dan il-programm f’din l-iskeda. Din is-sena, Christian Micallef se jkun qed jippreżenta l-programmi kollha ta’ Replay fl-iskeda, ċioé Replay Preview tal-Ġimgħa, Replay Live Score tal-Ħadd fis-6:40pm u Replay tal-Ħadd filgħaxija, fid-8:45pm, sintendi fuq Net Television u netondemand.mt. Flimkien ma’ Micallef, kemm fil-programm Replay Preview tal-Ġimgħa, kif ukoll f’Replay tal-Ħadd filgħaxija, se jkun hemm il-mistieden residenti, Konrad Sultana.

Fl-ewwel programm tal-lejla se nkunu qed niddiskutu t-tim nazzjonali Malti, b’analiżi dettaljata tal-partita li lagħbna nhar l-Erbgħa kontra Ġibiltá u diskussjoni dwar iż-żewġ partiti li jmissna nilgħabu Malta, għada kontra Andorra u nhar it-Tlieta kontra l-Latvja.

Mill-passat, illum se nwasslu żewġ servizzi marbuta mat-tim nazzjonali. Dawn huma:

Eku tal-Passat’ taż-żewġ partiti preċidenti li Malta lagħbet kontra Andorra, fl-2000 u fl-2002, b’rakkonti ta’ żewġ eks plejers tat-tim nazzjonali, Daniel Theuma u Noel Turner.

Eku tal-Passat’ tal-partita li ntlagħbet fil-11 t’Ottubru 2006, u li allura nhar il-Ħadd li ġej jaħbat l-14-il anniversarju minn din il-partita, tar-rebħa ta’ Malta kontra l-Ungerija f’Ta’Qali bl-iskor ta’ 2-1. Din il-partita waslet biex bidlet il-karriera għal waħda pożittiva u ta’ suċċess għall-eks internazzjonali Malti, André Schembri.

F’Replay Preview tal-lejla, apparti l-presenza ta’ Konrad Sultana fl-istudio, se jkun hemm ukoll is-sehem tal-eks kowċ nazzjonali Malti, Pippo Psaila.

Replay Preview tal-Ġimgħa filgħaxija jixxandar fid-9:15pm fuq Net Television u netondemand.mt hu qed jitwassal bl-appoġġ ta’ IZIBET, Il-Veduta, J. Portelli Projects, Dove u TESCOMA.