Lokali

Nuqqas ta’ pjan fit-tul u nuqqas ta’ preparazzjoni serja li setgħet evitat imwiet

Ilbieraħ smajna lis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani jagħti assigurazzjoni li jagħmel minn kollox biex jikkontrolla t-tixrid tal-COVID-19 fost l-anzjani u persuni b’diżabilita. Il-fatti juru li wara Spanja aħna għandna t-tieni l-aktar rata għolja ta’ mwiet fl-Ewropa, huwa fatt ukoll li għandna wieħed mill-ikbar rata ta’ tixrid tal-pandemija fost l-anzjani.

Dan inqatl fi stqarrija maħruġa mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Anzjanità Attiva u Inklussiva u l-Persuni b’Abbiltajiet Differenti Maria Deguara.

Mill-intervista li għamel is-Segretarju Parlamentari ħareġ ċar ukoll li minkejja d-dikjarazzjonijiet hemm nuqqas kbir ta’ moniteraġġ kbir fost il-ħaddiema u l-carers li kienu u għadhom l-akbar mod ta’ kif infirxet il-pandemija fid-dar ta’ l-anzjani. Huwa ċar ukoll illi għandna nuqqas kbir ta’ infermiera u paramediċi u li sirna niddependu bil-qawwi fuq l-importazzjoni ta’ ħaddiema f’dan is-settur.  Dan wassal biex baxxejna r-rekwiżiti mitluba minn dawn il-ħaddiema u li l-maġġoranza tagħhom ma jikkommunikawx mal-pazjenti.

Dan hu riżultat ta’ nuqqas ta’ investiment fil-ħaddiema f’dan il-livell tul dawn l-aħħar snin, speċjalment fejn jidħlu l-carers. Dan qed iwassal għal demotivazzjoni fis-settur u nuqqas ta’ rikonixximent għal ħidma li jagħmlu. Hija ħasra li l-Gvern Laburista ma laqax is-suġġeriment li għamlet l-Oppożizzjoni li bħala rikonoxximent il-ħaddiema fis-settur tas-saħħa ma ngħatawx ġranet tal-leave extra. Dan kollu jikxef nuqqas serju ta’ pjan fit-tul u nuqqas ta’ preparazzjoni serja li setgħet evitat imwiet. Dan in-nuqqas ta’ pjan huwa izjed serju meta kulħadd jaf u ċerti li l-pandemija se tibqa’ magħna fit-tul.

l-Partit Nazzjonalista jesprimi s-sogħba tiegħu għal kull telf ta’ ħajja ikkaġunata mill-COVID–19 u jwassal il-kondoljanzi lill-familjari tagħhom kollha.

Ikkummenta