Il-Ministru Carmelo Abela ma jiftakarx għaliex iben Daphne Caruana Galizia, Andrew, li huwa diplomatiku ngħata perjodu qasir biex jiġi lura mill-Indja u li spiċċa biex l-impieg jiġi tterminat. Dan kien wara Ġunju tal-2017.
Abela deher skomdu jwieġeb domanda tal-Avukat Jason Azzopardi dwar għaliex Andrew Caruana Galizia ngħata biss 15-il jum biex jiġi lura kontra kull prassi. Għaliex ukoll, staqsa l-avukat, huwa ntbagħat f’uffiċċju ma jagħmel xejn, u li ħadd ma nħatar minn floku.
Il-Ministru Abela qal li huwa minnu li kien hemm numru ta’ diplomatiċi li ssejjħu lura, imma ma jiftakarx aktar. Qal ukoll li mistoqsija bħal din m’għandhiex relevanza.
Meta ppressat mill-Avukat Jason Azzopardi li staqsieh jekk kienx hemm pressjoni minn xi ħadd biex jispiċċa mill-impieg, Abela qal li ma jiftakarx. Qal ukoll li huwa m’għandu xejn kontra Andrew Caruana Galizia.
Dan kollu ħareġ mix-xhieda tal-Ministru Carmelo Abela quddiem il-Bord ta’ Inkjesta fuq l-omiċidju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-Ministru li jaħdem fl-uffiċċju tal-Prim Ministru, kif għamlu diversi xhieda oħra f’din l-inkjesta ta ħafna tweġibiet li ma jiftakarx, jew li jekk sar jaf xi ħaġa, sar jafha mill-media.
Abela qal li ma kienx jaf dwar il-ħbiberija bejn Silvio Valletta u Yorgen Fenech qabel ma ħarġet l-aħbar fuq il-ġurnali. Xi ħaġa li rnexxielu jixhed dwarha kienet dwar il-proġetti tal-Gvern.
“Qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 ma kienux issemmew ħafna mill-proġetti. Ma kienux issemmew l-iskema tal-passaporti, l-privatizzazzjoni tal-isptarijiet u lanqas il-proġett tal-Università Amerikana ta’ Malta. Bla dubju kienet tissemma ħafna il-powerstation tal-gass għaliex kien hemm pjan fuq l-enerġija.”
Fuq mistoqsija tal-Imħallef Abigail Lofaro dwar Konrad Mizzi fuq il-powerstation huwa qal li dak iż-żmien kien għadu kemm dieħel fil-politika u kienx ta dettalji kif kienet se topera, kien għamel biss preżentazzjoni.
Fuq il-vot ta’ fiduċja jew sfiduċja fil-Parlament fil-konfront ta’ Konrad Mizzi qal li huwa vvota favur għax kien sodisfatt bil-laqgħat li kienu saru fuqu, u wara li tkellem mal-Prim Ministru, l-affarijiet deheru li ċċaraw u għalhekk issapportja lil Konrad Mizzi.
Huwa qal ukoll li meta kien Ministru tal-affarijiet barranin ħafna drabi ma kienx ikun preżenti kemm għal laqgħat tal-kabinett kif ukoll għal laqgħat oħra għax kienu ikun ħafna msiefer.
Dwar dawk li ssemmew fil-Panama Papers u li huma viċin il-Partit Laburista qal li huwan dejjem emmen li dawn għandhom iwieġbu għal dak kollu li wettqu. “Kellhom l-ewwel inaddfu isimhom qabel ma jkomplu x-xogħol tagħhom.”
Tenna li s-suġġett tal-Panama Papers qatt ma tela’ fuq livell ta’ kabinett. Kull ma sar hu li Joseph Muscat kien ippresedi laqgħat mal-Ministru fuq bażi ta’ ‘one-to-one.”
Dwar li l-Partit Laburista kien viċin ħafna negozjanti qal li huwa m’għandu l-ebda ħbiberija ma’ nies fin-negozju, u huwa jħobb iżomm ċertu limitu minn magħhom. Fuq ħbiberija bejn Yorgen Fenech u Keith Schembru qal li dawn ma kienx jafhom sew u lil Fenech kien sar jafu wara l-elezzjoni tal-2013.
Fuq mistoqsija tal-Imħallef Lofaro dwar iċ-ċirku viċin li kellu madwaru l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, ix-xhud qal “iċ-chief of staff ta’ kull Prim Ministruse jkun viċin tiegħu naturalment.
Fejn jidħlu proġetti speċifiċi li jinvolvu lil Konrad Mizzi, wieħed jassumi li l-Ministru kien jiddiskuti ma’ Joseph Muscat. Qal li ma kienx ikun preżenti għal dawn id-diskussjonijiet.
Prim Imħallef Emeritu staqsa x’inhi id-differenza li ra bejn l-amministrazzjoni ta’ Muscat u dik preżenti, dwar kif joperaw. Abela wieġeb billi qal li huma żewġ persuni differenti. Muscat kellu l-esperjenza ta’ kważi ħames snin bħala Kap tal-Oppożizzjoni u kellu aktar żmien jipprepara.
L-Imħallef Mallia qal lix-xhud li fl-2013, meta tħabbret l-Electrogas huwa kien il-kelliem għall-proġett. Qal li mhux eżatti u dan għaliex ma kien jirċievi l-ebda informazzjoni dwar il-proġett. Il-ministeru li kien inkarigat mill-proġett kien jieħu ħsieb ir-relazzjonijiet pubbliċi tal-proġett.
Dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Keith Schembri, Abela qal li kellu relazzjoni ta’ xogħol miegħu iżda ma kienx jiltaqa’ miegħu f’kuntest soċjali. Qal li huwa minnu li huwa kien jattendi il-laqgħat tal-kabinett.
Tenna li Schembri kien punt ta’ referenza għal diversi persuni u jista’ jkun li kellu influwenza. Qal li hu qatt ma ħass il-bżonn li jikkonsultah personalment.
Il-Bord staqsa lill Abela jekk Muscat ħassux tradut fuq daka kollu li ġara biex tweġiba tkun li din il-mistoqsij għanda ssir lill-eks Prim Ministru. Dwar meta nqatlet Daphne Caruana Galizia, x-xhud qal li dakinhar hu kien imsiefer mal-President.
Meta qalulu għall-ewwel ma emminx u kien imbellaħ. Kienet xi ħaġa kundannabbli u ħassu xxukkjat. Ipprova jara x’kienu qed jirrappurtaw il-gazzetti, qal Abela.
Il-kuntatt mal-Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà kien regolari minħabba l-warrants. Huwa qal li ma kellhomx briefings speċifiċi ħlief dawk fil-Kumitat tas-Sigurtà fejn il-PM u l-Kap tal-Oppożizzjoni kienu jkunu preżenti.
L-Avukat Jason Azzopardi staqsa diversi domandi lix-xhud bl-ewwel waħda tkun relatata mal-vot ta’ fiduċja ta’ Konrad Mizzi li ttieħed f’Mejju tal-2016. Abela qal li hu kien tkellem dwar dak li kien qed iħassbu direttament mal-Prim Ministru waqt laqa’ individwali.
“Kont sodisfatt bid-diskussjoni u b’hekk issapportjajt lil Mizzi fil-vot ta’ fiduċja,” wieġeb Abela. Hawn l-Avukat Azzopardi qal li l-grupp parlamentari tal-gvern keċċa lil Mizzi s-sajf li għadda, u staqsa lix-xhud x’inbidel mill-2016.
Tenna li mill-2016 sal-2020, kienu ħarġu aktar allegazzonijiet u jemmen li kienet deċiżjoni f’waqtha. Dwar id-data ta’ meta tħabbret id-data tal-elezzjoni ġenerali, Abela qal li din kienet tħabbret waqt manifestazzjoni tal-1 ta’ Mejju, saħaq li kien ixxukkjat b’din id-deċiżjoni.
l-Avukat Azzopardi staqsa lill-Ministru jekk kienx infurmat li l-Italja offriet l-assistenza tagħha wara l-karozza bomba mmirata fuq Romeo Bone li kienet saret l-Imsida. Ix-xhud qal li ma jiftakarx u ma jiċħadx.
Mistoqsija kienet dwar il-warrant iffirmat għall-interċezzjonijiet tal-mobile fejn Abela kien xehed quddiem l-Imħallef Toni Abela dwar dan. Dwar jekk jiftakarx jekk awtorizzajtx l-interċettazzjoni dwar karozzi bomba f’dan il-perjodu, l-Ministru qal li ma jeskludix li għamel hekk.
“Għax meta kont Ministru jiena kien hemm aktar minn karozza bomba waħda. Ma neskludix li kien hemm persuni li kienu indikati lili mill-Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà.
Dwar il-kjass fuq tal-visas Alġerini qal li kien għadu ma laħaqx Ministru għall-Intern meta dan ġara. Qal li l-awditur ġenerali kien ta rakkomandazzjonijiet għal azzjoni amministrattiva.
Kien Carmelo Abela, dak iż-żmien Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela li f’Lulju tas-sena l-oħra ħabbar li kienet se tinfetaħ inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Dan waqt konferenza dwar il-midja fir-Renju Unit fi tweġiba għall-mistoqsijiet li sarulu. Malta kienet intalbet tiftaħ din l-inkjesta mill-Kunsill tal-Ewropa wara li l-Gvern Malti kien baqa’ jkaxkar saqajh u nsista li jrid jagħmel dan wara li jkunu spiċċaw l-investigazzjonijiet kriminali b’rabta mal-każ.
Wara ħafna pressjoni minn kullimkien l-inkjesta pubblika sa fl-aħħar twaqqfet u dan sabiex tinvestiga jekk il-miżuri li ħadu l-awtoritajiet ta’ pajjiżna kienux adegwati biex jipproteġu l-ħajja ta’ Caruana Galizia.
Il-Bord, huwa magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said-Pullicino, mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia u mill-Imħallef Abigail Lofaro. F’isem il-familja Caruana Galizia qegħdin jidhru l-Avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi.
L-Inkjesta tkompli nhar it-Tnejn 12 ta’ Ottubru fis-2.30pm. bix-xhieda tal-Ministru Michael Falzon, l-Erbgħa 14 ta’ Ottubru fl-istess ħin l-Ispettur Kurt Zahra filwaqt li l-Ġimgħa 16 ta’ Ottubru fid-9.30am. mistenni jixhed il-Ministru Edward Zammut Lewis.
//= $special ?>