Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: 100 każ ġdid – ifiequ 22

It-tieni mewġa tal-pandemija li qed tolqot lill-Gżejjer Maltin qed tkompli turi żieda fil-każijiet fejn “in-normalità ġdida” fissret żieda ta’ 477 fl-aħħar sebat’ijiem – aktar mill-ammont kumplessiv ir-reġistrat bejn ix-Xhur ta’ Mejju, Ġunju u Lulju.

Dan wara li fuq il-paġna fuq il-midja soċjali ta’ Saħħa tħabbar li fl-aħħar 24 siegħa fil-Gżejjer Maltin ġew irreġistrati 100 każ ġdid ta’ Covid-19 bil-każi attivi jiżdiedu għal rekord lokali ta’ 710.

Minn Marzu s’issa t-total ta’ każi pożittivi ta’ Coronavirus jammonta għal 3,898.

Bejn il-Ġimgħa u s-Sibt fiequ 22 persuna sabiex it-total ta’ persuni mfejqa żied għal 2,937.

Skont kif maħruġ mill-Ministeru għas-Saħħa fuq il-paġna Saħħa mill-75 każ imħabbra tul il-jum tal-Ġimgħa; 19-il persuna kienu qraba ta’ persuni li ttestjaw pożittivi preċedentament, sitt każi kuntatti diretti ta’ persuni pożittivi, żewġ każi oħra infettati fuq il-post tax-xogħol u każ importat.

Dan ifisser li 47 mill-każi mħabbra l-Ġimgħa ma kellhomx idea minn fejn setgħu ġew infettati.

Dan filwaqt li l-vittmi ta’ Covid-19 f’pajjiżna huma 41, b’6 fatalitajiet irreġistrati fl-ewwel jiem ta’ Ottubru.