Lokali Saħħa

Fil-Jum Dinji ddedikat għas-Saħħa Mentali, il-President jappella għal bidla fil-mod kif nitkellmu u naġixxu

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali ddedikat lis-Saħħa Mentali, il-President tar-Repubblika George Vella stqarr li s-saħħa mentali għandha tingħata mportanza ċentrali f’kull qasam tal-ħajja tagħna u titqies b’mod aktar wiesa’.

Il-President George Vella waqt id-diskors tal-lum

George Vella saħaq li kampanji li jiffukaw fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol, l-istudju u l-familja, u dawk dwar il-bilanċ bejn il-progess u l-preservazzjoni ta’ spazji miftuħa u ambjent nadif huma fost il-fatturi li jipprommwovu s-saħħa mentali b’mod kollettiv.

Huwa qal li jeħtieġ li nieqfu nużaw lingwaġġ u tikketti li jkomplu jkabbru l-istigma u l-weġa’ kif ukoll in-nuqqas ta’ rispett fuq il-persuna milquta u l-qraba tagħha.

George Vella spjega kif is-saħħa mentali hija fluida u kulħadd huwa suġġett li xi darba jiżviluppa problemi ta’ dan it-tip.

Tkellem ukoll dwar l-impatt tal-Covid-19 fuq is-saħħa mentali, hekk kif il-pandemija żiedet il-livell ta’ stress fuq ħafna.

Huwa wassal messaġġ ta’ kuraġġ, b’mod speċjali lill-anzjani f’dan iż-żmien diffiċli, u enfasizza l-bżonn li tinħoloq politika inklussiva li ma tħarisx lejn problemi ta’ saħħa mentali b’mod negattiv u bi stmerrija.

Il-President appella biex kulħadd jagħmel sforz fil-mod kif jitkellem u jaġixxi ma’ persuni bi problemi ta’ saħħa mentali sabiex ilkoll nikkontribbwixxu għal soċjetà aktar ġusta.