Iż-żmien tad-deċiżjonijiet ma jistax jistenna iktar. Pajjiżna għaddej minn diffikultajiet relatati mal-pandemija Covid-19. Din hija sfida kbira u serja għall-qasam tas-servizzi tas-saħħa.
Sostna dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, Stephen Spiteri, fejn qal li l- Gvern għandu jassigura li s-servizzi u l-kura tas-saħħa ġewwa pajjiżna ma jkunux taħt pressjoni kbira tant li din tikkrolla b’detriment għal ħajjiet tal-morda tagħna u kull min hu fil-bżonn. It-tixrid tal-virus jidher li qed jerfa’ rasu b’100 każ pożittiv illum biss.
“Dan huwa riżultat dirett tal-politika ta’ Robert Abela li qalilna li l-mewġ qiegħed fil-baħar. Il-Contact tracing qed jitlef l-effiċjenza meħtieġa sabiex it-tixrid ikun kontenut. Is-swali li jieħdu ħsieb il-kura intensiva huma mimlijin.”
Stephen Spiteri saħaq li dan kollu qed iwassal messaġġ ċar, bozza ħamra, emerġenza. Il-Partit Nazzjonalista hu kontra lockdown, u propju għax kontra lockdown huwa importanti li mill-aktar fis terġa tiġi dikjarata emerġenza nazzjonali tas-saħħa pubblika biex is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika terġa tingħata l-awtorita’ fuq deċiżjonijiet importanti. In-numru ta’ persuni infettati kuljum huma għoljin ferm għall-popolazzjoni ta’ pajjiżna, u meta tiġi kkalkulata r-rata per capita rata pajjiżna qiegħed fuq quddiem.
Huwa qal li qegħdin naraw żieda ta’ infezzjonijiet f’dawk vulnerabbli, l-anzjani tagħna u dawk li qegħdin jieħdu kura għall-mard ieħor. Sal-lum għandna total ta’ 41 vittma relatata mal-virus, li ukoll ipoġġina fuq quddiem bħala rata. Kif sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, fuq dan, il-Prim Ministru għandu jġiegħel lis-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis jerfa’ r-responsabbilità tiegħu. Irridu nassiguraw l-aħjar protezzjoni lil min l-aktar għandu bżonn. Is-saħħa għandha tkun prijorità.
Stephen Spiteri insista li rridu nkunu lkoll responsabbli, u nosservaw dak kollu li l-Awtorità għas-Saħħa Pubblika qiegħda tisħaq fuqhom. Dan il-Gvern ma jistax jibqa’ Gvern tax-xejn m’hu xejn. Il-Gvern għandu l-obbligu jara x’inhu l-aħjar għall-popolazzjoni tagħna. Il-ħajja ta’ ħafna tiddependi minn deċiżjonijiet f’waqthom.
Huwa qal li l-Emerġenza tas-Saħħa Pubblika għandha tkun meqjusa b’urġenza u mingħajr aktar dewmien. Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja mill-ġdid ix-xogħol tajjeb li twettaq mis-Supretendent tas- Saħħa Pubblika, mill-ħaddiema tagħha kif ukoll minn dawk kollha li kienu fuq quddiem nett joffru servizz fl-aħħar xhur.