Sport Waterpolo

Il-kampjonat jirritorna fil-klabb ta’ San Ġiljan għat-tielet darba f’sitt snin

(Ritratt: Joseph Galea)

Stewart Said

NEPTUNES…………………………… 8

SAN ĠILJAN TUM INVEST…. 9

(2-3), (2-3), (1-1), (3-2)

Il-jum tant mistenni għal San Ġiljan finalment wasal. Għalkemm mhux b’wirja eċċezzjonali bħal dik tal-Ħamis, San Ġiljan TUM Invest ġew iddikjarati champions wara li għelbu lil Neptunes 9-8 f’logħba missielta. B’hekk ma kellhomx bżonn it-tielet finali tal-play-off.

Din kienet il-11-il darba li San Ġiljan rebħu l-Kampjonat tas-Sajf u b’hekk laħqu lil Valletta United fil-lista tar-rebbieħa ta’ dan il-kampjonat, li kien differenti minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19.

Staġun fenomenali għall-Ġiljaniżi li kif għamlu fl-2017, rebħu l-partiti kollha fil-kampjonat. Dan is-suċċess kien l-ewwel wieħed taħt il-Presidenza ta’ Peter Bonavia filwaqt li l-kowċ Dorian Pisani rebaħ l-ewwel Kampjonat Premier tiegħu bħala kowċ wara li s-sena l-oħra mexxa lil Marsaskala għal doppjetta fl-Ewwel Diviżjoni.

Neptunes urew titjib mil-logħba tal-Ħamis u ma ċedewx l-armi sal-aħħar, anki jekk iż-żagħżugħ Jake Muscat lagħab biss sessjoni u nofs. Huma skorjaw ħames man-ups minn għaxra li kellhom. L-istess persentaġġ għal San Ġiljan li skorjaw tlieta minn sitt okkażjonijiet.

Il-logħba kellha bidu b’saħħtu biż-żewġ timijiet joħorġu determinati u aggressivi, ritmu li għamilha diffiċli għaż-żewġ referees biex jikkontrollaw il-logħba. Dino Zammit u Andreas Galea taw il-vantaġġ lil San Ġiljan f’żewġ okkażjonijiet iżda Stevie Camilleri ġab id-draw fiż-żewġ okkażjonijiet minn man-up. Dan sakemm Dino Zammit reġa’ poġġa lit-tim Ġiljaniż fil-vantaġġ.

Daqqa ta’ ħarta għal Neptunes li f’nofs it-tieni sessjoni tilfu lil Jake Muscat li ġie fouled-out meta l-iskor kien 4-2. Il-vantaġġ tal-Ġiljaniżi kiber għal 6-2 permezz ta’ Andreas Galea u xutt b’saħħtu ta’ Matthew Zammit.

Il-logħba dehret li setgħet tieħu triq waħda iżda żewġ gowls minn man-ups ta’ Jeremy Abela u Gabriel Pace taw tama lil Neptunes li setgħu jirbħu l-logħba.

Neptunes baqgħu fil-logħba fit-tielet sessjoni hekk kif bdew ilaħħqu mal-avversarji. Huma bdew iħallu aktar lil San Ġiljan imorru għax-xutt u jippruvaw jaqbduhom fuq sieq waħda. San Ġiljan ma bdewx ikunu preċiżi fix-xuttijiet tagħhom u anki kellhom penalty salvat minn Borg Cole minuta mit-tmiem tas-sessjoni.

Kif mistenni t-tensjoni fiż-żewġ timijiet żdiedet. San Ġiljan qrib il-kampjonat u Neptunes b’tama li jwettqu rimonta. Andreas Galea qabbeż b’mod preċiż fuq Borg Cole u għamel l-iskor 8-5 b’ħames minuti għat-tmiem.

Neptunes baqgħu jittamaw b’żewġ gowls konsekuttivi ta’ Gabriel Pace u Sam Gialanze. Il-pressjoni żdiedet fuq San Ġiljan iżda kellu jkun Plumpton li reġa’ stabbilixxa l-vantaġġ doppju.

Neptunes ma qatgħux qalbhom u wara li Stevie Camilleri falla penalty minuta u nofs mit-tmiem, l-istess plejer naqqas id-distakk bi 53 sekonda għat-tmiem. San Ġiljan irnexxielhom jassorbu l-aħħar sekondi ta’ pressjoni u kisbu r-rebħa importanti.

Fi tmiem il-logħba, bdew iċ-ċelebrazzjonijiet ristretti tal-plejers u l-membri tal-kumitat ta’ San Ġiljan. Il-qofol intlaħaq meta l-President tal-ASA Joe Caruana Curran u Anthony Scicluna mill-BOV ippreżentaw it-trofew lill-captain Matthew Zammit.

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat, L. Calleja, G. Pace (2), S. Busuttil, J. Spiteri Staines, S. Camilleri (3), J. Camilleri (1), J. Abela (1), M. Farrugia, S. Stellini, S. Gialanze (1), B. Busuttil, M. Castillo

San Ġiljan: J. Tanti, K. Tanti, A. Galea (3), D. Ciantar, M. Mannino, M. Zammit (1), B. Plumpton (2), J. Bonavia, Z. Micallef, Da. Zammit, P. Fava, Di. Zammit (3), G. Vassallo, M. Ortoleva

Referees: Mario Dalli, Ronnie Spiteri

Marsaxlokk fis-semifinali

OTTERS………………… 8

MARSAXLOKK … 10

(2-4), (3-2), (2-3), (1-1)

Marsaxlokk Brown’s Pharma għaddew għas-semifinali tan-knock-out tal-Ewwel Diviżjoni. Huma għelbu lil Otters Nivea 10-8 biex fil-logħba li jmiss jaffrontaw lil Marsaskala. Għal Otters dan kien it-tmiem tal-kampjonat tagħhom filwaqt li x-Xlukkajri jittamaw li jirbħu dan l-unur għall-ewwel darba mill-2016.

Marsaxlokk kellhom vantaġġ ta’ 2-1 u 4-2 fl-ewwel sessjoni filwaqt li kienu 5-3 minn fuq fit-tieni sessjoni. Reazzjoni tajba minn Otters li rkupraw l-iżvantaġġ Marc Lanzon u Gabriel Mizzi sakemm Benji Lanzon ħalla lil Marsaxlokk gowl vantaġġ.

Fit-tielet u l-aħħar sessjoni, Marsaxlokk żammew il-vantaġġ u għalkemm dan kien minimu, rari dehru li setgħu jitilfuh.

Otters: D. Spiteri, M. Lanzon (2), R. Caruana, L. Hyzler (2), E. Meli (1), D. Dimech, K. Scicluna, G. Mizzi (1), I. Azzopardi, D. Zahra (2), D. Tully, S. Xerri, G. Gatt Ellis, L. Dimech

Marsaxlokk: R. Coleiro, J. Portelli, M. Martellacci, L. Saliba, T. Agius (3), B. Lanzon (3), K. Cremona, R. Scerri (1), M. Cacici (3), O. Zammit, F. Buhagiar

Referees: Peter Balzan, Stefan Licari