Coronavirus Lokali Saħħa

Il-PN ifakkar il-Jum Internazzjonali dwar is-Saħħa Mentali

“Illum jaħbat il-Jum Internazzjonali iddedikat lis-saħħa mentali. L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa ilha tavżana ferm qabel feġġet il-pandemija tal-Covid-19 li ġejja pandemija ta’ mard mentali. Din il-pandemija ta’ mard mentali diġà waslet fuqna u diġà qed inħossu l-effetti tagħha. Il-Covid-19 kompliet żiedet il-mard mentali.”

Saħaq dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Sahha Mentali, Mario Galea, fi stqarrija s-Sibt meta qal li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tinsab imħassba wkoll fuq is-suwiċidju li qiegħed jiżdied madwar id-dinja kollha inkluż Malta tant li kull 40 sekonda persuna fid-dinja jneħħi ħajtu b’idejh.

Din ir-rata se titla’ għal suwiċidju kull 20 sekonda, jiġifieri zewġ miljun suwiċidji fis-sena.  Hija tragedja li l-gvern preżenti qed jiġi jaqa u jqum mis-saħħa mentali tal-poplu tagħna. Il-Crisis Intervention Team li kien għamel gvern imexxi mill-Partit Nazzjonalista u li kien jaħdem fuq każijiet ta’ suwiċidju u li kien salva ħafna nies iżarma hekk kif il-partit laburista tela’ fil-gvern.

Issa il-gvern għalaq ukoll l-out-patients tal-psikjatrika f’Mater Dei. Għall-ewwel darba fl-isptar prinċipali m’hemmx out patients tal-mard mentali. Fi żmien gvern Nazzjonalista kienu infetħu ħames kliniċi fil-komunità biex bil-mod nibdew nifirxu is-saħħa mentali fil-komunità. Kull klinika kellha numru limitat ta’ irħula fil-viċinanzi  li jaqgħu taħtha u pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali kienu jinqdew f’din il-klinika.

Mil-lejl għan-nhar il-gvern għalaq l-out patients tas-saħħa mentali fl-Isptar Mater Dei u alloka il-pazjenti kollha ta’ Malta li għandhom problemi ta’ saħħa mentali f’dawn il-ħames kliniċi mingħajr ma żied l-istaff. Konsegwenza ta’ hekk dawn il-ħames kliniċi mil-lejl għan-nhar zdidulhom il-pazjenti b’eluf. Kien hemm klinika fejn rat żieda ta’ madwar erbat elef pazjent f’daqqa. Dawn il-kliniċi huma żgħar wisq għal dawn il-pazjenti kollha għax qatt ma kienu intiżi li jilqgħu fihom il-pazjenti ta’ Malta kollha.

F’dawn il-ħames kliniċi li jridu jlaħħqu ma’ Malta kollha, il-pazjenti m’għadhomx privatezza fejn jitkellmu mal-professjonisti u l-kliniċi huma żgħar u ffulati. Mhux biss imma minħabba nuqqas ta’ riżorsi il-pazjenti bi problemi ta’ mard mentali qed ikollhom jistennew ferm aktar għall-appuntamenti. Min jiflaħ iħallas imur fil-privat u min ma jistax inħalluh jistenna b’riskju kbir għall-hajtu. Agħar minn hekk qabel fl-out-patients ta’ Mater Dei kont tmur għand il-psikjatra tal-għazla tiegħek li jafek u tafu. Illum kull klinika għandha il-psikjatra tagħha u trid u ma tridx ikollok tispiċċa tmur għand dak il-psikjatra bilfors. Psikjatra li la jafek hu u wisq anqas tafu int. Psikjatra li ma jaf xejn fuq l-istorja tiegħek ghax probabbli il-file tiegħek jkun għadu Mater Dei fuq xi xkaffa jiġbor it-trab.

Dan il-gvern sena ilu sena li nieda b’ħafna pompa Strateġija Nazzjonali għall-Mard Mentali. Il-Gvern qed jagħmel il-kontra ta’ dak li hemm miktub fl-istrateġija. Ilu jwiegħed sptar modern fil-foot print ta’ Mater Dei 8 snin. Minflok bena kif wiegħed, l-isptar għall-kura mentali f’Mater Dei saħansitra qaċċat l-outpatients tal-mard mentali il-barra minn Mater Dei. Dan il-gvern qed ikompli jitratta il-pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali bħala pazjenti tat-tieni klassi. L-Oppożizzjoni ilha żmien toffri l-appoġġ u l-għajnuna tagħha f’dan il-qasam imma il-gvern dejjem irrifjuta. Il-gvern għandu jieqaf minnufih jgħaddi biż-żmien lill-pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali għax il-gvern jaf li m’għandhomx vuċi.

Sadanittant il-Partit Nazzjonalista sellem lil dawk kollha li jbatu bi problemi ta’ saħħa mentali filwaqtli wasslilhom messaġġ ta’ kuraġġ u wegħdhom li se jibqa’ jkun il-vuċi tagħhom. Il-PN sellem ukoll lill-professjonisti li jaħdmu f’dan il-qasam u rringrazzjahom għall-ħidma siewja tagħhom li sfortunatament mhix apprezzata biżżejjed.