Futbol Sport

Imut l-eks plejer internazzjonali Malti Lolly Borg

Aktar kmieni tħabbret il-mewt tal-eks plejer internazzjonali Malti u ta’ Floriana Lolly Borg fl-età ta’ 88.

Borg twieled fit-23 ta’ Ottubru tal-1931 u kien plejer regolari mat-tim nazzjonali Malti fejn kien involut fl-ewwel partita internazzjonali għal Malta kontra l-Awstrija li ntlagħbet fl-Empire Stadium fl-24 ta’ Frar tal-1957.

Hu lagħab tmien darbiet mat-tim nazzjonali u skorja gowl wieħed f’partita ta’ ħbiberija kontra t-Tuneżija f’rabħa ta’ 1-0. Borg huwa wkoll wieħed mill-ikoni ta’ Floriana fejn għamel id-debtutt ta’ Floriana fl-1947 fl-età ta’ 16-il sena. Għall-Floriana hu lagħab 220 partita fejn skorja 105 gowls u rebaħ il-kampjonat seba’ darbiet u kien strumentali fir-rebħ tat-treble fis-snin 1949/50, 1952/53 u dak tal-1956/57.

Borg kellu wkoll karriera ta’ suċċess bħala kowċ mal-istess Floriana u kien ukoll kowċ ta’ Rabat Ajax u Senglea Athletic bejn 1979-1980.