Lokali

“Int strument għad-demokrazija ġusta f’pajjiżna”

“Ħadt rwol tant importanti u essenzjali għal pajjiżna, hekk kif int strument għad-demokrazija ġusta.”

Kliem l-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles J. Sciclna, f’laqgħa mal-Kap il-ġdid tal-Partit Nqazzjonalista, Bernard Grech, fejn fost l-awguri għall-pożizzjoni l-ġdida kien hemm qbil għall-ħidma konġunta favur iċ-ċittadini kollha.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat minn martu AnneMarie. Prezenti wkoll l-Isqof Awżiljarju, Monsinjur Joseph Galea Curmi.

Bernard Grech qal li hu qed jara din il-pożizzjoni l-ġdida bħala opportunità li kulma jgħid u jagħmel se jkun qed jagħmlu skont dak li jixtiequ l-maġġoranza tan-nies, filwaqt li bl-ebda mod ma jinjora dawk fil-minoranza.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din il-laqgħa mal-Arċisqof kienet biss il-bidu tal-ħidma tiegħu, bil-wegħda li se jkun qed jaħdem għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

“Kienet laqgħa sabiħa ħafna, għandi rispett kbir lejn l-Arċisqof, l-Isqfijiet, u l-Knisja għax-xogħol kbir li qed twettaq f’dan il-pajjiż għall-ġid ta’ kulħadd, kif esprima stess l-Arċisqof,” qal Bernard Grech. “Nixtieq li jkolli relazzjoni tajba, relazzjoni tajba ma’ kulħadd għaliex biex nimxu ‘l quddiem iridu ntejbu r-relazzjoni biletarali ma’ kulħadd.”

Bernard Grech kompla li minn issa ‘l quddiem se jara li l-Partit Nazzjonalista jkompli jissaħħaħ u jingħaqad għax il-pajjiż jixraqlu Gvern Alternattiv.

“Aħna diġa bdejna bi programm biex il-Partit jissaħħaħ, jingħaqqad, u diġa’ qed jidhru r-riżultati. Kelna gruppi Parlamentari, laqgħat li marru tajjeb ħafna,” qal Bernard Grech. “Se nkunu wkoll qed naħdmu direttament anke għall-elezzjoni ġenerali.”

Minn naħa tiegħu, l-Arċisqof qal li minn din il-laqgħa ħareġ il-qbil komuni tal-ħidma konġunta li għandha ssir mingħajr indifferenzi. Temm jgħid li r-rispett, it-tolleranza u l-fedeltà għandhom iseħħu b’mod assolut.