Internazzjonali Lokali

Ir-Reġina tonora lit-tabiba Clare Gerada bit-titlu ta’ Dama

Din l-ewwel onorifiċenza lil Maltija qed tingħata għall-karriera medika tagħha f'dawn l-aħħar 40 sena fir-Renju Unit

Ir-Reġina Eliżabetta II onorat lit-tabiba Maltija, Clare Gerada, bit-titlu ta’ Dama tal-Ordni tal-Imperu Brittaniku bħala rikonoxximent għall-karriera medika mill-aqwa ta’ 40 sena fir-Renju Unit.

It-tabiba hija l-ewwel mara Maltija li ngħatat dan l-unur mir-Reġina u huwa t-tieni unur tagħha mill-istess Reġina wara li fis-sena 2000 inħatret Membru tal-istess Ordni għas-servizzi tagħha fil-mediċini u fost dawk li jabbużaw mid-droga.

Fi tweet fuq Twitter, id-Dama Gerada laqgħet dan l-unur b’umiltà u saħqet li hija bil-wisq kburija li kienet ta’ servizz għall-pazjenti, għall-professjoni u għall-komunità għal aktar minn 30 sena.

Il-ġenituri tad-Dama Maltija huma t-tnejn Maltin li emigraw lejn ir-Renju Unit fis-snin 60 u mxiet fuq il-passi ta’ missierha, tabib Żejtuni, meta għażlet il-karriera medika.