Coronavirus Lokali

“Iż-żmien tad-deċiżjonijiet ma jistax jistenna iktar” – Bernard Grech

“Iż-żmien tad-deċiżjonijiet ma jistax jistenna iktar. Illum smajna b’rekord ieħor, meta bħalissa għandna l-ikbar numru ta’ każijiet attivi ta’ nies infettati b’dan il-virus minn kemm ilha li bdiet l-imxija f’Malta u Għawdex”

Hekk kifteb ħin ilu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wara li aktar kmieni llum sar magħruf li fl-aħħar 24 siegħa kelna 100 każ ġdid tal-virus irreġistat f’pajjiżna.

Grech saħaq li ried jagħmilha ċara li hu kontra lockdown, u li huwa propju għalhekk li huwa importanti li mill-aktar fis terġa’ tiġi ddikjarata emerġenza nazzjonali tas-saħħa pubblika biex is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci terġa’ tingħata l-awtorità fuq deċiżjonijiet importanti.

Huwa tenna l-apprezzament tiegħu għax-xogħol tajjeb li twettaq mis-Supretendent, mill-ħaddiema tagħha kif ukoll minn dawk kollha li kienu fuq quddiem nett joffru servizz fl-aħħar xhur.

Dan huwa riżultat dirett tal-politika ta’ Robert Abela li kien qalilna sabiex ma ninkwetawx għaliex il-mewġ qiegħed fil-baħar. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-mewġ ġabu fuqna l-Prim Ministru, u issa għaliex Robert Abela qiegħed tmexxi Gvern li għalih xejn m’hu xejn, falla fil-politika tiegħu u qiegħed fi stat ta’ paniku. Grech qal li huwa għalhekk huwa importanti li s-Supretendent titħalla tieħu d-deċiżjonijiet minflok il–Prim Ministru.

Bernard Grech qal li b’sens ta’ responsabbiltà huwa ta struzzjonijiet biex iż-żjarat fil-każini tal-Partit Nazzjonalista li kienu ppjanati għal għada jiġu posposti. Qal li se jiddiskuti wkoll mal-kelliema tal-Grupp Parlamentari biex ikomplu jikkordinaw b’mod effettiv il-kontribut tal-Partit Nazzjonalista kontra t-tixrid ta’ din il-pandemija.

Il-Kap tal-Partit Nazzjnalista temm il-messaġġ tiegħu billi qal li għadna nistennew li l-Prim Ministru juri li jirrispetta lill-familjari tal-vittmi li tilfu ħajjithom tul l-imxija u minnufih minflok jintilef quddiem il-cameras, ikeċċi lis-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis wara l-kummenti insensittivi tiegħu biex jipprova jinħeba, għadu ma refax ir-responsabbilità politika tiegħu.