Ewropa Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

L-MEPs tal-PL jiddefendu ‘l-Bulgari u jitradixxu lill-Maltin

“Kemm taħt Joseph Muscat kif ukoll taħt Robert Abela, l-MEPs tal-Partit Laburista dejjem ħaduha kontra l-Maltin u l-Għawdxin, l-aqwa jiddefendu lill-Partit korrott tagħhom. F’kull ċirkostanza, ivvutaw favur l-interessi ta’ Pilatus Bank, Keith Schembri, Konrad Mizzi, Peter Grech u Joseph Muscat, u kontra min irid li f’Malta l-istituzzjonijiet jaħdmu u ssir ġustizzja.”

Hekk saħqu l-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista fil-Partit Popolari Ewropew, Roberta Metsola u David Casa, fi stqarrija s-Sibt.

Huma qalu li din il-ġimgħa, ħarġet bl-aktar mod ċar l-ipokrezija tal-MEPs tal-Partit Laburista hekk kif f’kull vot ħaduha kontra l-Maltin u l-Għawdxin u issa qed jiftaħru għax ivvutaw, skont huma, ‘favur il-Bulgari’.

L-istqarrija kompliet tgħid li r-riżoluzzjoni ta’ din il-ġimgħa ma kinitx fattwali, inkitbet f’temp ta’ ftit siegħat b’diversi żbalji u żgur ma kinitx riżoluzzjoni favur jew kontra l-Bulgari, kontra għal dak li qalu l-MEPs tal-Partit Laburista, li ftaħru li huma favur il-Bulgari.

L-MEPs tal-Partit Nazzjonalista saħqu li dejjem ivvutaw favur l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin kollha, ħlief l-interessi ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi, Chris Cardona, Peter Grech, u Lawrence Cutajar, xi ħaġa li determinati li se jkomplu jagħmlu.

Kif għamlu din il-ġimgħa, l-MEPs tal-PN se jibqgħu jaħdmu biex jidħol fis-seħħ mekkaniżmu li jiddefendi lin-nies, ġejjin minn liema pajjiz ġejjin, kontra l-korruzzjoni.